Is-soċjetà ċċapċap u timbotta ’l quddiem lil dak li huwa b’saħħtu – Mario Grech
Illum hemm id-dgħufija tal-koppja, tal-gruppi, tas-soċjetà u tal-komunità ekkleżjali
More in Socjali
Illum hemm id-dgħufija tal-koppja, tal-gruppi, tas-soċjetà u tal-komunità ekkleżjali
“Is-soċjetà ċċapċap u timbotta ’l quddiem lil dak li huwa b’saħħtu, rebbieħ, kollu suċċessi; imbagħad twarrab u tinjora lil min huwa dgħajjef, tellief, fallut u imperfett”. Dan qalu l-Isqof t'Għawdex Mario Grech waqt Omelija fil-Quddiesa ta’ Nofsillejl lejliet il-Milied.
L-Isqof Grech qal li dan il-gwaj huwa akbar meta din il-mentalità mhux biss hija mifruxa fil-ħajja soċjali u ċivili, imma wkoll fil-ħajja Kristjana u ekkleżjali. “Teżisti d-dgħufija ta’ min irid jimxi wara Kristu, imma mbagħad isib ruħu qed jinqata’ lura minħabba xi żball. Għalhekk peress li l-kultura reliġjuża tagħna hija mdakkra mill-mentalità li ċċapċap lil min huwa spiritwalment b’saħħtu u perfett, miskin hu min huwa spiritwalment vulnerabbli, dgħajjef jew iċċappas bid-dnub! Għaliex hemm min fil-komunità ekkleżjali li persuni bħal dawn jixtieqhom maqtugħa mill-bqija tal-komunità – min għandu widnejn, ħa jisma’!”
Grech tkellem ukoll dwar it-twelid ta’ Alla li sar bniedem f’Betlehem. “Meta Ġesù sar bniedem bħalna, huwa ried jurina kemm il-bniedem, hu kif inhu, huwa għall-qalb ta’ Alla. Alla l-Ħallieq jaf x’inhi l-għaġna tagħna… jaf li għandna din il-karatteristika innata tad-dgħufija, tal-vulnerabbiltà u tal-imperfezzjoni. Għalhekk, meta Alla qed jassumi n-natura umana, qed jgħidilna biex ma naqtgħux qalbna quddiem kull għamla ta’ dgħufija. Meta l-bniedem jaċċetta l-limitazzjonijiet tiegħu fil-ħajja umana, soċjali, tal-familja u spiritwali, dan ma jkunx ifisser li qed jammetti falliment, imma jkun sinċier; għax meta l-bniedem jiċħad din id-dimensjoni dgħajfa tiegħu, huwa jkun qed idaħħal rasu ġewwa r-ramel!”
Qal ukoll li meta qed nitkellmu fuq id-dgħufijiet, xieraq li nżommu quddiem għajnejna li barra dawk personali u individwali, illum hemm id-dgħufija tal-koppja, tal-gruppi, tas-soċjetà u tal-komunità ekkleżjali. “L-eżempji mmissuhom b’idejna fil-ħajja tal-familji tagħna. Imma wkoll quddiem din id-dgħufija kollettiva, ma għandniex naqtgħu qalbna: il-Bxara t-tajba li dehret fostna llum, dik it-tarbija li Marija fisqietha u poġġietha f’maxtura, dan huwa Alla li ġie fostna biex jgħinna ħalli minkejja d-dgħufijiet tagħna u d-dnub tagħna, aħna jirnexxielna nimxu t-triq kollha li għandna quddiemna u lil dak li bħalissa qegħdin naraw xbieha tiegħu, għad narawh wiċċ imb’wiċċ.”
Fi tmiem l-omelija l-Isqof Grech qal li dan hu l-awguri li xtaq jagħmel f’dan il-Milied lil kull wieħed u waħda minna, lill-familji, lill-komunitajiet parrokkjali, lis-soċjetà ċivili, imma l-aktar lil dawk li jħossuhom mgħattnin għaliex għandhom tagħfas fuqhom id-dgħufija tagħhom.