Il-paċi ma tistax tittieħed b’ovvja - Coleiro Preca
Il-paċi hija responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna
More in Socjali
Il-paċi hija responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna
Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca dalgħodu ppresediet iċ-ċerimonja simbolika tal-fjamma tal-paċi - fjamma li bdiet mill-Knisja tan-Natività f’Betlem u li tissimbolizza l-paċi, l-imħabba u t-tjieba.
Waqt din iċ-ċerimonja, organizzata mill-Uffiċċju tal-President flimkien mal-Baden Powell Scouts u l-Laboratorju tal-Paċi, il-President saħqet fuq il-bżonn li naħdmu favur il-paċi u l-imħabba. Spjegat li l-paċi ma tistax tittieħed b’ovvja, u li n-nuqqas ta’ paċi anki f’pajjiżna jiġi mill-preġudizzji kontra persuni li jidhru differenti. Il-President spjegat l-esperjenzi li kellha fl-iskejjel ftit tal-ġimgħat ilu, bi tfal bi preġudizzji kontra tfal oħra, jew minħabba li għandhom nuċċali, forsi piż żejjed, jew kulur tal-ġilda differenti. Il-President spjegat li l-paċi rridu naħdmu għaliha billi nħobbu lil xulxin, għaliex meta wieħed iħobb, iħobb bla kundizzjoni u jħobb lil kulħadd għaliex kull persuna hi sabiħa.
Il-President ta’ Malta qalet li filwaqt li l-fjamma tal-paċi ta’ Betlem, qiegħda hemm biex tagħti d-dawl biex tiftaħ l-imħuħ, tixtieq li din il-fjamma tfakkar fir-responsabbiltà biex inkunu fejn inkunu, naħdmu favur il-paċi billi nħobbu lil xulxin kif aħna bla kundizzjoni.
Saħqet li l-imħabba tittieħed, għaliex jekk wieħed iħobb, l-imħabba se tibda tinxtered u allura l-importanza li l-imħabba tibda minna nfusna.
Il-President sostniet li l-paċi hija responsabbiltà ta’ kull wieħed u waħda minna u għalhekk li din iċċerimonja tal-fjamma tal-paċi, hija ċkejkna, imma li għandha sinifikat qawwi.