It-tieni l-aktar jum kiesaħ fl-aħħar 90 sena

Diċembru jġib biċċiet tal-borra u temperatura baxxa ta’ 2.8°C

Il-31 ta’ Diċembru li għadda, il-lejl ta’ qabel l-Ewwel tas-Sena ra t-temperatura tinżel għal 2.8°C, l-inqas temperatura qatt reġistrata matul il-lejl f’Diċembru, skont l-Uffiċċju Metereoloġiku. Dan ġab miegħu wkoll forma rari ta’ preċipitazzjoni, hekk kif kienu rappurtati ‘snow pellets’ f'diversi postijiet f’ Malta fit-30 u l-31 ta’ Diċembru.

L-aktar lejl kiesaħ qatt irreġistrat baqa’ dak b’temperatura ta’ 1.4°C fid-29 ta’ Jannar 1981.

Għalkemm it-temperatura medja għal Diċembru kienet ta’ 14.9°C, 0.6°C aktar għolja minn normal, nhar il-31 ta’ Diċembru kien it-tieni l-aktar jum kiesaħ f’Diċembru hekk kif it-temperaturi niżlu għal 7.7°C, kważi daqs is-6.7°C li kienet reġistrata fl-1923.

L-aktar temperatura għolja reġistrata x-xahar li għadda kienet ta’ 22.9°C fl-1 ta’ Diċembru.

Matul Diċembru kienet reġistrata total ta’ 150.3mm ta’ xita, konsiderevolment aktar minn normal ta’ 104.8mm. L-ogħla rata ta’ xita kienet ta’ 26.4mm fis-siegħa, reġistrata fit-30 ta’ Diċembru.

F’Diċembru kien hemm total ta’ sitt ijiem b’maltempati bir-ragħad: fis-7, fid-9, fl-10, fis-17, fit-30 u fil-31 ta’ Diċembru. Normalment ikollna ħames ġranet bil-maltempati bir-ragħad f’Diċembru. Kien reġistrat is-silġ fis-17, fit-30 u fil-31 ta’ Diċembru. Dan hu aktar minn normal ta’ ġurnata waħda bis-silġ f’Diċembru. L-ebda ċpar ma kien irreġistrat.

It-temperatura medja tal-baħar kienet ta' 19.1°C, 1.3°C aktar għolja minn normal ta’ 17.8°C. L- umdità kienet 3% anqas minn normal ta’ 78%.

Ix-xahar li għadda ra medja ta’ 5.5 sigħat ta’ xemx, ħames sigħat aktar minn normal. Fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kienu reġistrati total ta’ 170.7 siegħa ta’ xemx. Il-kopertura tal-isħab kienet 0.1 anqas minn normal.

F'Diċembru r-riħ nefaħ medja ta’ 8.1 mili nawtiċi. Kien l-aktar b’saħħtu fit-28 ta’ Diċembru meta nefaħ 39 mili nawtiċi mill-Punent il-Lbiċ. Ir-riħ nefaħ l-aktar mill-Majjistral iżda għal 79% tal-ħin nefaħ bil-mod, bejn 1 u 10 mili nawtiċi.

 

More in Socjali