Fis-2pm, fil-knisja tal-Ibraġġ ingħatat l-aħħar tislima liż-żagħżugħ ta' 22 sena, Matt Meilak.
Il-knisja kienet miżgħuda b'żgħażagħ li attendew il-kulleġġ San Andrea fil-primarja ma' Meilak, Junior College jew l-Università, b'mod speċjali l-istudenti tal-liġi. Fost il-persuni preżenti kien hemm iż-żgħażagħ l-oħra li kienu fil-karozza ma' Meilak dakinhar tal-inċident, inkluż ix-xufier, iżda Miguel Camilleri ma kienx hemm minħabba li għadu l-isptar.
Fl-omelija, is-saċerdot qara ittra li kitbu l-ġenituri ta' Meilak, fejn iddeskrivew lil binhom bħala ħabrieki, enerġetiku u li dejjem kien jagħmel minn kollox biex jara lil ta' madwaru jitbissmu. Is-saċerdot qara wkoll kummenti li ltaqa' magħhom fuq Facebook dakinhar tal-inċident, kummenti mimlija tifħir lejn dan iż-żagħżugħ li kien l-ewwel vittma ta' inċident tat-traffiku fl-2015.
Fost in-nies preżenti, kien hemm ukoll il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil.
Meilak, li kien passiġġier f'karozza tat-tip Peugeot 106, tilef ħajtu fuq il-post tal-inċident f'Għawdex, fl-1 ta' Jannar.