Illum kulħadd fil-mira
L-editorjal tal-gazzetta ILLUM
minn Frederick Attard
Il-massakru li seħħ din il-ġimgħa f’Pariġi ħalla lil diversi nies ixxukjati b’xeni orribli fejn tnax-il ruħ tilfu ħajjithom kiesaħ u biered. Iżda mhux kulħadd kien mistagħġeb b’dak li ra.
Dawk li ma stagħġbux bl-aħbar tal-massakru huma dawk l-istess nies li issa ilhom għal numru ta’ snin jesprimu t-tħassib tagħhom dwar l-influss ta’ immigranti illegali fl-Ewropa. Ħafna jgħidu li fosthom jista’ jkun hemm terroristi jippużaw ta’ immigranti.
Terrorist mhux bilfors se jkun b’daqqna twila, liebes turban ma’ rasu u jitkellem bl-Għarbi, jgħidu. Illum ħafna mit-terrosristi jitkellmu bl-Ingliż jew lingwi oħra Ewropej u jkunu studjaw sew il-kulturi tal-pajjiżi li jkunu nfiltraw fihom. Uħud minnhom ikunu saħansitra għexu fil-post għal numru ta’ snin u ħadmu f’postijiet tax-xogħol jew studjaw f’universitajiet flimkien maċ-ċittadini tal-lokal.
Minn investigazzjonijiet li kienu saru wara l-attakk fuq it-Twin Towers fid-9 ta’ Settembru 2001 permezz ta’ żewġ ajruplani ċivili kien irriżulta li t-terroristi kienu saħansitra tgħallmu jtajru l-ajruplani fl-Amerka stess. Xi ħaġa li ma ssirx f’leħħa ta’ berqa iżda li trid xhur jew snin ta’ taħriġ u preparazzjoni. Din l-aħbar kienet xegħlet bozza ħamra fuq is-servizzi sigrieti kemm Amerikani u kemm dawk Ewropej hekk kif deher ċar li t-terroristi kienu diġà fostna.
Filwaqt li din il-ġimgħa d-dinja kollha ngħaqdet biex tikkundanna l-massakru fi Franza, id-diskussjoni issa hija dwar x’inhu fil-mira tat-terroristi li qatlu 12-il-persuna li kienu fl-uffiċini tar-rivista satirika Franċiża Charlie Hebdo. Gazzetta li qatt ma qagħdet lura milli tikkritika permezz ta’ satira dak kollu li editorjalment inħass li għandu jitniggeż.
L-attakk fuq Charlie Hebdo ma kienx l-ewwel wieħed tant li sentejn ilu l-istess uffiċini kienu fil-mira terroristika wara li l-gazzetta ppublikat kartun li għal ħafna Musulmani kien meqjus bħala offensiv lejn ir-reliġjon li jħaddnu u li wassal għal diversi protesti minn Musulmani madwar id-dinja.
L-attakk fuq Charlie Hebdo ma kienx intenzjonat biss biex joqtlu lill-karikaturisti u l-editur tal-gazzetta. Kienu intenzjonati primarjament bħala messaġġ biex isikktu lil kull min b’xi mod ma jaqbilx jew beħsiebu jiddieħaq bir-reliġjon Musulmana. Messaġġ li għakemm wassal għal stmerrija minn bosta, ta aktar għarfien fuq Charlie Hebdo filwaqt li poġġa lil kull min jaħdem fil-mezzi tax-xandir taħt ċertu pressjoni u biża’, inkluż f’pajjiżna.
Diversi ġurnalisti Maltin urew is-sogħba tagħhom għal dan il-qtil billi nhar il-Ħamis ingħaqdu flimkien fid-daħla tal-Belt Valletta u flimkien ikkundannaw dan l-attakk fuq il-libertà tal-espressjoni tal-ħsieb ikun xi jkun l-argument.
Intant, il-pubblikaturi diġà kkonfermaw li Charlie Hebdo ma mietx fil-massakru tant li se jkomplu u l-edizzjoni li jmiss se jippublikaw miljun kopja tal-istess gazzetta li hemm stennija kbira għaliha.
Ma ninsewx ukoll li t-terrur Iżlamiku ma kienx biss Pariġi din il-ġimgħa.
Fin-Niġerja l-Boko Haram qatlu madwar 2,000 persuna u ħallew it-toroq fil-belt ta' Baga mimlija katavri. Il-belt ġiet meqruda għal kollox bid-djar kollha fjamma waħda. Dawk li rnexxielhom jaħarbu ma kinux fi stat li jidfnu l-mejtin u l-katavri tħallew fit-toroq.
U filwaqt li ħafna pubblikament appoġġjaw Je Suis Charlie, ftit kienu dawk li taw każ dak li ġara fin-Niġerja.
Nittamaw li la f’pajjiżna u mkien ieħor, qatt ma naraw iżjed dawn it-tip ta’ attakki, la fuq il-mezzi tax-xandir u lanqas fuq nies li għandhom twemmin reliġjuż differenti. Kulħadd għandu d-dritt li jesprimi t-twemmin u l-opinjoni tiegħu.
Sakemm ilkoll kemm aħna naqblu li fejn hemm nuqqas ta’ qbil ħadd m’għandu dritt joqtol lil ħaddieħor fuq diverġenzi t’opinjoni rridu nibqgħu viġilanti għax illum kulħadd fil-mira.