Maratona bi ġbir għal Puttinu Cares f'Tas-Sliema
Nhar il-Ħadd li ġej maratona ta' talb, ħasil tal-karozzi, bejgħ ta' kejkijiet, tombla u ħafna aktar
More in Socjali
Nhar il-Ħadd li ġej maratona ta' talb, ħasil tal-karozzi, bejgħ ta' kejkijiet, tombla u ħafna aktar
Fost il-ħafna oqsma differenti ta’ xogħol li s-Salesjani ta’ Dun Bosco jagħmlu mat-tfal u ż-żgħażagħ f’Malta, insibu l-ħidma fiċ-ċentru taż-żgħażagħ f’Tas-Sliema. Ta’ kull sena, dan l-Oratorju jorganizza ħafna attivitajiet indirizzati apposta għat-tfal u żgħażagħ. Tul is-snin, dan l-Oratorju laħaq ħafna tfal u żgħażagħ, speċjalment dawk fosthom bi problemi soċjali, u għenhom jikbru permezz ta’ ħafna opportunitajiet offruti lilhom. Fl-Oratorju, s-Salesjani jgħinu lit-tfal biex jiġu ffurmati f’insara tajbin u ċittadini onesti.
Bħala parti mill-programm annwali tagħna, ma jonqsux l-attivitajiet bi stil ta’ fund raising. ‘By the young to the young’ hija ġurnata mimlija attivitajiet imtella’ mill-Junior Section tal-Oratorju Salesjan ġewwa tas- Sliema. Imtella' nhar il-Ħadd 25 ta’ Jannar ġewwa l-grounds ta’ St. Patrick’s, parti sostanzjali mill-ġbir ta’ din il-ġurnata se jmur kollu għal Puttinu Cares. Kien għalhekk li semmejna din il-ġurnata b’dan il-mod; fejn it-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu l-Oratorju, se jkollhom iċ-ċans joffri parti mill-ħin tagħhom għal tfal u żgħażagħ inqas ixxurtjati minnhom. Ninsabu ħafna kuntenti li Puttinu Cares aċċettaw mill-ewwel li aħna min-naħa tagħna ngħinu, imqar b’sempliċiment attività, għax-xogħol kbir u siewi li jagħmlu huma.
L-attività prinċipali f’din il-ġurnata hija maratona ta’ talb. Kulħadd, tfal, żgħażagħ, ġenituri, huwa mistieden li jqatta’ ftit ħin fil-ġurnata quddiem is-Sagrament: fattur importanti ħafna għalina s-Salesjani u l-insara kollha. Minn att iktar prattiku mbagħad se jkun hemm car wash u cake sale filgħodu, flimkien ma’ High Tea (bit-tombla) u turnament tal-futbol għal waranofsinhar. Dan kollu se jkun organizzat u animat mit-tfal u ż-żgħażagħ tal-Oratorju bejn is-7 u l-14-il sena li lesti joffru anke t-talenti tagħhom għal għan daqshekk nobbli.
B'hekk l-Oratorju jistieden anke lilek biex tattendi fil-25 ta’ Jannar ġewwa St. Patrick’s f’Tas-Sliema u tgħin anke b’mod finanzjarju. Aħna min-naħa tagħna se nagħmlu minn kollox biex verament inkunu ta’ għajnuna għal dawk li huma iktar fil-bżonn.