Għadna wisq marbutin mat-tempju u mas-sagristija

Mario Grech  jikkummenta dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-Knisja f’pajjiżna.

Hekk kif kull ma jmur qed tikber fost ħafna l-istennija li l-Papa Franġisku jħabbar is-suċċessur ta’ Pawl Cremona, tkellimna mal-Isqof t’Għawdex Mario Grech fejn tlabnieh jikkummenta dwar is-sitwazzjoni preżenti tal-Knisja f’pajjiżna.

“Anki jekk xi wħud ma jridux jammettu, huwa fatt li fis-soċjetà qed iseħħu bidliet kbar. Seħħ tibdil fil-qasam demografiku, fil-viżjoni dwar il-ħajja, fir-riferimenti valorjali, fil-mudelli u stili ta’ ħajja” qal l-Isqof Mario Grech f’kumment ma’ din il-gazzetta.

Grech qal li dan it-tibdil qed ikollu effett mhux żgħir fuq il-familja, fuq l-adolexxenti u ż-żgħażagħ, fl-oqsma tal-edukazzjoni, l-ekonomija, is-saħħa u l-politika. “Ma jistax jonqos li jolqot ukoll id-dimensjoni spiritwali ta’ ġensna u għandu riperkussjonijiet fuq il-komunità ekkleżjali.”

Tkellem ukoll dwar il-viżta pastorali. “Din l-esperjenza offrietli l-okkażjoni biex inwettaq lil dawk li, għax għandhom ir-riħ fil-qala’, għandhom id-dgħajsa li tofroq il-ħalel tal-baħar tal-ħajja; fl-istess waqt, stajt nakkumpanja u nagħmel il-qalb lil dawk li bħal jaħbtu jaqtgħu qalbhom li tqattagħlhom il-qlugħ, għejew jaqdfu, id-dgħajsa xi kultant timtela bl-ilma u jibżgħu li se jegħrqu.”

Dwar il-Knisja f’Għawdex li jmexxi hu bħala isqof, Grech qal “Noħlom  li nagħmlu mill-Knisja f’Għawdex Knisja li toħroġ biex tħabbar il-Vanġelu lil kulħadd. Knisja li taf tmidd l-ewwel pass, taf tieħu l-inizjattiva bla ma tibża’, toħroġ tiltaqa’ mal-oħrajn, tfittex lil min hu mbiegħed u tasal sa salib it-toroq biex tistieden lill-imwarrbin. Knisja li tidħol fil-ħajja ta’ kuljum tal-oħrajn, tqassar id-distanzi, jekk hemm bżonn titbaxxa sal-punt tal-umiljazzjoni, u tħaddan il-ħajja umana, tmiss il-ġisem ta’ Kristu li jbati fil-poplu tiegħu.”

 

Aktar fil-ħarġa tal-ILLUM

 

More in Socjali