Student fl-iskola John F Kennedy, f’Paterson, New Jersey ġie akkużat mill-istat wara li sħabu tal-klassi ffilmjawh isabbat lill-għalliem tiegħu mal-art f’argument dwar mobile.
Il-filmat ġie tpoġġa fuq Youtube u l-pulizija kif ratu ħadet passi mill-ewwel u l-istudent ta’ 16-il sena ġie arrestat.
L-iskola stess ikkonfermat li l-istudent ġie sospiż. Ġenituri u uffiċjali tal-iskola ħaduha kontra l-istudent u kkundannaw lill-istudenti l-oħra li ħadd minnhom ma mar jgħin lill-għalliem.
Il-filmat juri lill-għalliem tal-Fiżika maqbud minn idejn l-istudent li kienu mdawrin ma’ qaddu u jiġbdu fost is-siġġijiet u mwejjed sa ma qallbu rasu ‘l fuq.
Jinstema' għajjat ta’ xi studenti li bdew jgħidu ‘stop’ u ‘chill’ iżda hu jdaħħal saqajh ma’ dahar l-għalliem u jaqilbu lura.
Eventwalment wieħed mill-istduenti sejjaħ lis-sigurta u dawn marru jgħinu lill-għalliem. L-istudent ġie arrestat u akkużat wara li l-għalliem għamel stqarrija lill-istess pulizija għal dak li ġara.
Lee McNulty, eks għalliem qal li mill-filmat wieħed jista' jara li l-għalliem qatt u fl-ebda ħin ma rritalja u dan juri l-klima ta’ biża' li l-għalliema qed jagħmlu xogħolhom.