Aħna tas-seklu l-ieħor
F’dawk iż-żminijiet ħadd ma kien iqajjem dijatribi
minn Immanuel Mifsud
Kien hemm snin meta bħal daż-żmien Misraħ ir-Repubblika fil-Belt kien jinbidel minn parkeġġ salvaġġ għall-Pjazza tal-Karnival. L-art kienet tinżebagħ b’marki kkuluriti biex iż-żeffiena bil-kostum (jiġifieri dawk il-gruppi li sena wara sena jirrepetu bejn wieħed u ieħor l-istess mossi għal siltiet mużika li jew jinsterqu mill-kanzunetti popolari ta’ dik is-sena jew minn diski li aktar ma jixjieħu aktar jisbieħu) ma jinfixlux u jżommu pass wieħed. Imbagħad kien jintrama taraġ tal-injam fuq il-kanen u l-ispazju tal-pjazza kollha jingħalaq b’folji tat-triplaj sitt piedi bi tmienja. Sena wara sena dawn il-folji kienu jibdew jitqaxxru, bl-irkejjen imtajra, b’taħżiż u twaħħil ta’ kull tip, ftit minnhom miżbugħin griż ċar, oħrajn bla żebgħa xejn. L-ewwel pjazza tal-Belt, dik li kont issib malli tgħaddi minn bieb li ma kien l-għira ta’ ebda belt oħra fid-dinja, kienet issir, f’dawk il-jiem tal-karnival, karnivalata aktar mis-soltu, metafora ħajja tad-dilettantiżmu li donnu kien sar parti integrali mill-identità ta’ dak il-poplu li kien jgħix jew jersaq lejn dik il-belt.
Aktarx li ħafna diġà nsewh dan ix-xenarju u m’għandi ebda intenzjoni li ndejjaq in-nies b’memorji koroh ta’ dehriet ikreh. Imma, sakemm iż-żmien mhuwiex qiegħed jagħmel tiegħu u qiegħed jilgħabli mal-memorja, f’dawk iż-żminijiet ħadd ma kien iqajjem dijatribi għax l-ewwel pjazza tal-Belt kienet titkerrah għal ftit jiem bl-armar ta’ ejja ħa mmorru li kien isir għall-karnival. Donnu li aħna ċ-ċittadini tas-seklu l-ieħor konna naċċettaw kollox b’rassenjazzjoni stojka li, meta tikkonsidra kollox, tidher kważi ammirevoli. Aħna konna dawk iċ-ċittadini li ma konna nitmeżmżu xejn naraw riżmi ta’ tabelli bl-uċuħ tal-kandidati mwaħħlin bil-kolla mal-faċċati l-aktar prominenti tal-pajjiż, u messaġġi jħajruk tagħti n-numru wieħed lil dak jew lill-ieħor li għadek issib xi fdalijiet minnhom anki llum, erbgħin sena wara li kienu nżebgħu.
Għalina tas-seklu l-ieħor kollox kien jgħaddi, kollox kien jgħodd. L-aqwa li kien jitwassal il-messaġġ. U l-messaġġ kien wieħed: aħna nħobbu l-kruha u d-dilettantiżmu. Issa li s-seklu l-ieħor sar tifkira bdilna l-attitudni u sar għandna sens estetiku kbir, għallinqas ħafna akbar minn dak li setgħu ħolmu xi waħdiet fis-seklu l-ieħor. Id-dibattitu li qam dawn l-aħħar ġranet fuq il-gabbani tal-bejjiegħa tal-monti u fuq il-monti nnifsu juri kemm sirna sofistikati, għallinqas jekk inqabblu lilna nfusna ma’ dawk tas-seklu l-ieħor. Pereżempju wħud minna saru sofistikati tant li d-disinni ta’ Piano jxebbhuhom ma’ ħakkieka tal-ġobon, aktarx għax dawn ma laħqux l-aspettattivi eruditi li għandhom. Imbagħad hemm oħrajn minna li jħossu li s-slaleb tal-Kavallieri miżbugħin bl-aħmar sporġuti taħt flokkijiet u lbies ta’ taħt kull kulur imdendla ma’ speċi ta’ twieqi tal-plastik se jwaqqgħu d-dekor tal-binja ta’ Piano, binja li għalkemm għadha mhijiex kompluta diġà saret magħrufa u diġà qiegħda ttejjeb it-turiżmu kulturali. Għandna, fi kliem ieħor, battalja bejn dawk li qegħdin jissejħu l-Pianomanijaċi (!) u l-anti-Piano. Bejn akkużi ta’ klassiżmu u elitiżmu kulturali fuq naħa u injoranza fuq oħra, jidher li aħna ta’ dan is-seklu sar għandna l-estetika għal qalbna ħafna: kemm jekk fil-forma ta’ ħakkieka tal-ġobon jew soror ta’ biċċiet u remiżolji oħra. Minn dak li nara jinkiteb fuq il-mezzi soċjali u l-kolonni tal-kummenti fuq il-gazzetti elettroniċi ħafna minna kisbu grad fl-estetika, aktarx bl-unuri, tant li sirna nafu kemm Piano m’hawnx bħalu u kemm Piano għadu prinċipjant.
Imma għallinqas m’għadniex bħal dawk tas-seklu l-ieħor, dawk li kienu jħarsu b’ammirazzjoni kbira lejn il-ħitan miksija b’mijiet ta’ kopji ta’ wiċċ Mintoff jew Borg Olivier. Jekk xejn tgħallimna, imqar jekk bqajna iswed iswed u abjad abjad, li l-Belt u kull belt hija aħna u r-rispett lejn il-ħitan u lejn il-kantunieri huwa, wara kollox, rispett lejna nfusna. Wara kollox kif saħaq Aristotli fil-Politika tiegħu: belt hi magħmula minn nies differenti: fejn in-nies huma l-istess mhemmx belt.
Issa naturalment is-seklu l-ieħor ma sellimnilux u ħallejnieh jegħreq u jisparixxi: xi fdalijiet tiegħu għadhom jgħumu fil-wiċċ u jidhru sewwa. Nieħdu pereżempju xi mezzi tax-xandir. L-istazzjon nazzjonali, dak li f’pajjiżi oħrajn jitqies bħala l-kejl tal-professjonalità donnu li qiegħed iċedi taħt il-pressjoni li jkun l-ewwel bl-aħbar u li jtella’ aħbarijiet ġodda fuq il-portal elettroniku tiegħu. Ftit tal-jiem ilu tella’ l-famuża storja ta’ graffit ġgantesk ma’ ħajt ta’ torri, meta fir-realtà kien muntaġġ. Wieħed jifhem li d-distanzi kbar li hemm bejn l-uffiċċji tal-aħbarijiet u t-torri msemmi setgħu qatgħu qalb il-ġurnalisti u allura l-istorja ħarġet mingħajr ma kienet ivverifikata. Smajna u qrajna, dejjem fuq portali elettroniċi, b’tabelli tat-toroq miktubin ħażin biex anki dan il-każ irriżulta li hawn min verament m’għandux x’jagħmel u jħobb jiġbed saqajn il-ġurnalisti li pront joħorġu ta’ mzazen u ta’ ... dilettanti. U dan biex ma nsemmux il-ħemel atroċitajiet lingwistiċi li saru jikkaratterizzaw ir-rappurtaġġ stampat u iktar u iktar elettroniku. L-importanti li jitwassal il-messaġġ. U l-messaġġ hu: hemm min għandu xogħlu marbut mal-kliem, u l-kliem ma jafx jiktbu aħseb u ara jużah; imma x’jimporta?
Bilħaqq, aħna tas-seklu l-ieħor ma kellniex barranin (jiġifieri suwed) iduru ma’ saqajna. Mindu dħalna fl-Ewropa qegħdin nindunaw li sirna qisna każin tal-banda: kulħadd dieħel u ħiereġ. Huwa fatt magħruf, kont qed naqra taħt rapport li Somalu seraq żewġ mobiles waqt kunċert fi knisja, li s-Somali mimlija pirati u allura m’għandniex neħduha bi kbira li s-Somali f’Malta jisirqu ċ-ċellulari.
Pushbacks u dritt għal ġol-Afrika, jew aħjar pushbacks and to strate to the Africa!