Pawlu Curmi, il-pampalun magħruf aktar bħala r-Re tal-karnival għall-ewwel darba f'ħajtu se jfalli milli jkun preżenti għal Karnival. Pawlu li għandu 83 sena jinsab ma jiflaħx u wara 66 sena attiv fil-karnival se jsegwih minn fuq l-iskreen tat-televiżjoni. Pawlu li dejjem jipprepara bil-koreografija oriġinali tiegħu liż-żeffiena tiegħu xorta laħaq ippreparahom għaż-żifna tagħhom u se jkun attent li jagħmlu dak li għallimhom f'dawn l-aħħar xhur.
Żgur li n-nuqqas tiegħu se jinħass fil-festi tal-karnival fejn dejjem kien l-attrazzjoni prinċipali fl-isfilati tal-Karnival biż-żfin tiegħu u bil-mod attiv kif dejjem ipparteċipa għal festa li tant hi għal qalbu. Dan is-sit jawgura lil Pawlu Curmi fejqan ta' malajr.