Delimara post mingħajr periklu għall-għasafar tal-passa

Attivisti tal-kampanja SHoutwaħħlu tabella sabiex simbolikament ibiddlu dan il-post magħruf għall-kaċċa f’post sigur għall-għasafar tal-passa fir-rebbiegħa.

Il-peniżola ta’ Delimara, li qiegħda fin-nofsinhar ta’ Malta, hu l-post fejn ħafna għasafar jaslu, għajjenin u mifluġin wara li jkunu taru fuq il-baħar mill-Afrika fi triqithom biex ibejtu. Dawn l-għasafar ikunu qegħdin ifittxu fejn jistrieħu u jsibu x’jieklu. Madankollu dan hu post perikoluż għalihom għaliex fih hemm waħda mill-ogħla konċentrazzjonijiet ta’ kaċċaturi f’Malta.

Il-kelliemi għal SHout Mark Sultana qal, “Dawk l-għasafar li jkunu qegħdin itiru minn fuq Malta u jkollhom bżonn jistrieħu, għandhom ikunu jistgħu jagħmlu hekk f’Delimara, u jsibu fih post fejn ikunu jistgħu jistrieħu u jirkupraw mill-vjaġġ twil tagħhom. Minflok, ħafna għasafar li jaslu hawn jintlaqgħu b’musketterija ta’ tiri għaliex ikunu sabu ruħhom f’wieħed mill-agħar postijiet għall-qtil tal-għasafar f’Malta.”

Voluntiera differenti ripetutament irrekordjaw każijiet ripetuti ta’ kaċċa illegali f’din iż-żona fuq medda ta’ snin. Mark Sultana qal li, “is-sitwazzjoni f’Delimara hi xokkanti. Per eżempju, f’għoxrin jum f’April 2013 ġew irrekordjati 215-il inċident ta’ kaċċa illegali, ħaġa li tagħmel dan il-post l-agħar wieħed f’Malta għal din it-tip ta’ kriminalità.” Is-sitwazzjoni f’Delimara hi daqstant gravi għax hemm triq waħda biss minn fejn tidħol jew toħroġ u dan ifisser li l-kaċċaturi jkunu jistgħu jindunaw bil-wasla tal-pulizija fiż-żona.

Il-kampanja SHout stqarret li l-livell għoli ta’ kaċċa f’dan il-post qiegħed ikun ta’ deterrent għall-għasafar tal-passa, għajjiena mill-vjaġġ tagħhom, u mhux qiegħed iħallihom jieqfu biex jistrieħu. Fil-ħarifa tal-2014, meta l-istaġun tal-kaċċa inagħlaq temporanjament, il-voluntiera raw qtajjiet kbar ta’ tajr jistrieħu fuq il-blat ta’ Delimara, ħaġa li qatt ma sseħħ meta l-istaġun jinfetaħ għall-kaċċa. Mark Sultana qal, “F’jum wieħed f’Ottubru rajna qatgħa kbira ta’ aktar minn mitt Russett Griż tistrieħ fuq Delimara qabel ma l-għasafar komplew itiru lejn l-Afrika. Jekk il-kaċċa fir-rebbiegħa titwaqqaf, l-għasafar ikunu jistgħu jistrieħu fil-kwiet fi triqithom lura lejn l-Ewropa sabiex ibejtu.”

Attivisti ta’ SHout saħqu wkoll li l-abolizzjoni tal-kaċċa fir-rebbiegħa għandha tirrendi lil Delimara f’post fejn il-pubbliku jkun jista’ jgawdi l-ispettaklu naturali tal-għasafar hekk kif jaslu f’Malta. Sitwazzjoni bħal din tirrifletti l-ambizzjoni fit-tul li l-post jinbidel f’park nazzjonali għall-poplu Malti. Il-ħolqien ta’ park nazzjonali hi idea li ġiet proposta għall-ewwel darba fl-1997, u f’Lulju tal-2013 is-sindku ta’ Marsaxlokk, Eric Micallef, kien talab lill-gvern biex ‘jaddotta’ din l-idea.

Il-koordinatriċi tal-kampanja SHout, Romina Tolu qalet hekk: it-tneħħija tal-kaċċa fir-rebbiegħa għandha tkun pass kbir ‘il quddiem biex jiġi żgurat li l-art pubblika  f’Delimara issir post ta’ rikreazzjoni għall-poplu ta’ Malta, minflok ma tibqa’ art mimlija kaċċaturi li fil-biċċa l-kbira tagħhom ma jagħtu l-ebda każ tal-liġi jew tal-ebda persuna li tkun trid iżżur il-post biex tgawdih fil-kwiet.”

Ma’ Mark Sultana u Romina Tolu ingħaqdu għadd ta’ attivisti oħra ta’ SHout, li waqqfu tabella biex simbolikament il-post ibiddluh f’post mingħajr kaċċaturi. Romina Tolu qalet, “Vot favur il-‘le’ fir-referendum tal-11 ta’ April għandu jbiddel lil Delimara f’post sigur għall-għasafar, u f’art kwieta fejn tkun tista’ tgawdi n-natura fir-rebbiegħa. Inħeġġeġ lil kulħadd biex dakinhar joħroġ u jivvota ‘le’. 

  1. Nhar l-14 ta’ April 2011, waqt l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, Bagħdan Aħmar (speċi protetta) inqatel minn għadd ta’ tiri sparati fuqu.
  2. Fis-27 ta’ April 2011, waqt l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, Kuċċarda (speċi protetta) inqatlet minn għadd ta’ tiri sparati fuqha.
  3. Fil-21 ta’ April 2012, waqt l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, Arpa (speċi protetta) inqatlet minn għadd ta’ tiri sparati fuqha.
  4. Fis-27 ta’ April 2012, waqt l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, Qerd in-Naħal (speċi protetta) instab ferut fil-ġewnaħ tal-lemin minn tiri ta’ senter.
  5. Bejn l-10 u t-30 ta’ April 2013, waqt l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, 215 inċident ta’ kaċċa illegali ġew irrekordjati f’Delimara, biex dan il-post sar l-agħar wieħed għall-kaċċa illegali f’Malta fir-rebbiegħa ta’ dik is-sena.
  6. Ġew sparati wkoll tiri fuq tajr protett anke matul is-sena, per eżempju fl-10 ta’ Ottubru 2013, Kokka tax-Xagħri (speċi protetta) instabet f’Delimara minn membri tal-pubbliku. Kienet feruta fatalment minn tiri ta’ senter u kellha titraqqad.
  7. F’Settembru tal-2013, Arpa li magħha kien twaħħal apparat f’Korsika sabiex tiġi segwita bis-satellita, bħala parti minn studju xjentifiku fuq il-passa tal-għasafar, intilfet meta kienet fuq Malta. L-aħħar trasmissjoni mill-apparat satellitari wera li t-tajra kienet fuq Delimara. 

More in Socjali