Kwalunkwe mediċina tista’ tkun perikoluża

Ix-xitwa, staġun ta’ ksieħ u ta’ mard  

Ħadd ma jieħu gost ikun marid, u meta r-rimedji naturali ma jaħdmux, induru għall-mediċini aktar qawwija. Minkejja dan, huwa importanti li wieħed joqgħod attent fejn jidħlu l-mediċini għaliex dawn kapaċi jkunu xi ħaġa perikoluża jekk ma jkunx ittieħed parir professjonali dwarhom. Bl-istess mod, persuna ma tistax taqbad u tagħmilha ta’ tabib u tagħżel u tiddeċiedi x’inhi l-kura addattata għall-problema li jkollha hi stess. 

Ċertu tipi ta’ mediċina bħal paracetamol li jkunu jistgħu jinxtraw mingħajr riċetta tat-tabib tkun tista’ teħodhom mingħajr konsultazzjoni jekk ikun il-każ ta’ xi uġigħ ta’ ras jew xi riħ, iżda ovvjament anke mediċina ta’ din ix-xorta kapaċi tirriżulta fi problemi. Dan jiġri pereżempju jekk tinqabeż id-doża indikata fuq il-pakkett jew jekk tkun qed tittieħed xi mediċina oħra mingħajr ir-rakomandazzjoni ta’ professjonist fil-qasam tas-saħħa. Fil-fatt, kwalunwe mediċina tista’ tkun perikoluża, imma l-aktar perikoluża hi dik li tagħmel effett kbir f’doża żgħira. Anke l-paracetamol, li hi waħda mill-aktar sustanzi komuni li tinsab f’kull tip ta’ mediċina, minn pilloli sa misturi li jintużaw minn kulħadd, minn trabi sa anzjani, tista’ tkun perikoluża. Nieħdu eżempju ta’ xi ħadd li jkollu riħ jew xi uġigħ ta’ ras u jieħu tip ta’ pillola bil-paracetamol, imma tħoss li mhux tagħmel effett u għalhekk, jieħu tip ieħor ta’ pillola li wkoll ikollha l-paracetamol, ikun qed jeċċedi d-doża ta’ paracetamol li jkun jista’ jieħu. Dan jista’ jwassal għal problemi serji ta’ ħsara fil-fwied fejn b’ammont ta’ ftit pilloli, persuna tkun qed tirriskja li jkollha overdose. Dan jgħodd ukoll għal meta persuna ma tħallix jgħaddi l-ħin neċessarju bejn doża u oħra għaliex il-ġisem ikun għadu ma eliminax l-ingredjent attiv.

“Ma tagħmilx differenza jekk tiħux il-pilloli tal-paracetamol fuq stonku vojt”

Huwa importanti ferm li d-deċiżjoni ta’ x’tip ta’ pilloli tieħu persuna ma tiġix minn xi ħbieb jew qraba li jgħidu li jirrakomandawhom għax fuqhom ikunu għamlu l-effett meħtieġ. Kull persuna hija differenti minn oħra u li jaħdem għal persuna, kapaċi ma jaħdimx fuq persuna oħra jew agħar minn hekk, ikollu effetti ħżiena. 

Ikun hemm min jgħid li għax ikun għaddielek wara xi ġranet tieħu l-pilloli, tkun tista’ tieqaf tieħu l-kors tal-pilloli. Dan mhux il-każ għall-pilloli kollha. Fil-każ ta’ pilloli bħal paracetamol komuni li ma jittiħdux f’kors, jistgħu jitwaqqfu meta l-persuna tkun tħossha li dawn ikunu għamlu effett. Min-naħa l-oħra, jekk il-kors ta’ pilloli li jkun qed jittieħed huwa ta’ xi anti-bijotiċi, persuna m’għandhiex taqta’ l-kors anke jekk is-sintomi jidhru li jkunu waqfu ma tistax taqbad u twaqqaf il-kors kif ġieb u laħaq anke jekk is-sintomi jkunu jidhru li waqfu. Dan minħabba li ħafna mill-mikrobi jkunu fil-fatt inqerdu imma jkun għad fadal traċċi tagħhom li jekk il-kors ma jitkompliex, isiru reżistenti għall-anti-bijotiku u jkun ferm iktar diffiċli biex jinqerdu iktar tard. 

Il-mediċini kollha, qabel joħorġu fis-suq ikunu għaddew minn studji serji u skrutinji qawwija min-naħa tal-awtoritajiet tas-saħħa. Kull mediċina, għalhekk ikollha liċenzja li tiddetermina l-kundizzjonijiet ta’ kif għandha tintuża. Pereżempju mediċina li tkun intenzjonata għal użu fl-adulti u għall-kura ta’ każi speċifiċi. Meta dawn il-kundizzjonijiet ma jinżammux, ikun ifisser li l-prodott ikun qed jintuża ’l barra mill-finijiet tal-liċenzja. Dan isir biss sakemm it-tabib jerfa’ r-responsabbiltà.

Dan jiġri wkoll fil-każ ta’ meta mediċini li huma magħmula għall-adulti jingħataw lit-tfal, ħaġa li m’għandhiex issir minħabba li dawn ma jkunux addattati. Issir eċċezzjoni meta l-istruzzjonijiet ikunu ġejjin mingħand il-professjonist fejn jagħti dawn it-tip ta’ mediċini lit-tfal għal raġunijiet eċċezzjonali, fejn hemmhekk hu jkun qed jassumi r-responsabbiltà.

Il-fuljett li jkun jinsab fil-kaxxa ta’ kull prodott mediċinali huwa importanti ferm għaliex ikun jinkludi kull dettall u kull biċċa informazzjoni li hemm bżonn li wieħed ikun jaf qabel jieħu l-mediċina. Anke f’każ li persuna tkun insiet issaqsi lit-tabib jew spiżjar dwar xi dettall dwar il-mediċina, din l-informazzjoni għandha ssibha hemm. Dawn l-istess fuljetti, wieħed tajjeb li jaqrahom ukoll minħabba li jkun hemm listi ta’ mediċini oħra li wieħed ma jkunx jista’ jeħodhom magħhom għax ma jkunux jaqblu flimkien u anke fl-eventwalità li persuna jkollha xi kundizzjonijiet jew allerġiji eżistenti li hemm ċans li jagħmlu effett negattiv fuqha.

Fuq l-istess fuljetti mediċinali, wieħed isib ukoll id-direzzjonijiet ta’ kif wieħed għandu jaħżen il-pilloli u l-mediċini tiegħu. F’ċertu mediċini, jkun hemm istruzzjonijiet partikolari bħal pereżempju xi temperatura baxxa allura tkun trid tinżamm fil-friġġ. Però, fil-maġġoranza l-kbira tal-każi, l-istruzzjonijiet ikunu sempliċi. Hemm bżonn li dawn ikunu maħżuna f’temperatura ta’ mhux aktar minn 25⁰C, kif ukoll għandha tiġi protetta minn umdità, temperaturi għoljin u dawl dirett. Għalhekk għandhom jiġu evitati kmamar tal-banju, kċejjen wara xi twieqi fejn ikun hemm dawl dirett sabiex il-mediċini jibqgħu tajbin. Bħalma jkun imniżżel fuq kull kaxxa tal-mediċina, hi ħaġa mill-aktar importanti li dawn jitqiegħdu f’postijiet li ma jistgħux jiġu milħuqa mit-tfal.

F’ċerti sitwazzjonijiet, naraw nies li jippreferu tilqima milli pilloli iżda dan mhux dejjem ikun possibli. Dan għaliex għalkemm huwa minnu li l-injezzjonijiet ikunu effettivi aktar malajr, jiddependi mill-marda jew kundizzjoni. L-injezzjoni tagħmel effett iktar malajr minħabba li l-mediċina tkun qed tmur direttament fid-demm waqt li bil-pilloli, jkun hemm bżonn li dawn l-ewwel jitkissru fl-istonku biex jgħaddu ħalli jiġu assorbiti mill-ġisem.

“Ma tistax tieħu mediċina fuq parir ta’ xi ħbieb sempliċiment għax fuqhom kienu ħadmu”

Hija wkoll ħaġa popolari li nisimgħu biex wieħed joqgħod attent meta jkun qed jieħu xi mediċina biex din ma titteħidx fuq stonku vojt, għalhekk niġu mħeġġa nieklu xi ħaġa qabel ma nieħdu l-medikazzjoni. Però dan mhux dejjem huwa l-ideal għaliex jiddependi mill-mediċina li tkun qed tiġi kkunsmata. F’ċerti każi ta’ mediċini kontra l-uġiegħ eżempju aspirina huwa ideali li tiekol qabel biex tnaqqas ir-riskju ta’ xi ulċeri fl-istonku. Kuntrarju għal kif jaħsbu ħafna, għall-pilloli tal-paracetamol komuni ma tagħmilx differenza jekk jitteħdux fuq stonku vojt jew mimli. Ovvjament, kull pillola jkollha d-direzzjonijiet tagħha li għandhom jiġu segwiti għall-konsum.

Finalment, huwa dejjem ta’ importanza kbira li wieħed jikkonsulta mal-professjonist mediku tal-għażla tiegħu għaliex il-mediċina hija xi ħaġa serja u li taf tkun anke perikoluża jekk ma tiġix ikkunsmata kif suppost u meta hemm bżonnha. Qatt m’għandek tieħu xi mediċini mingħajr konsultazzjoni sempliċiment għaliex tkun qed tħoss l-istess sintomi.

More in Socjali