Xejn ta’ barra minn hawn għall-personalitajiet Maltin
Il-festa tal-maħbubin...
minn Veronica Lynn Mizzi
Jidher li għalkemm din il-festa ta’ San Valentinu toħloq ħafna attività u kummerċ, il-personalitajiet li tkellmu mal-ILLUM m’għamlux affarijiet ta’ barra minn hawn għal festa tal-maħbubin. Il-maġġoranza tal-promozzjonijiet juru li donnu din il-festa ma tkunx waslet jekk ma tixtrix konsenja ward aħmar, ma tmurx fuq ikla romantika u ma taqlax jew tixtrix xi ċurkett li jiswa ġidek... imma donnhom il-personalitajiet Maltin preferew jagħżlu l-ħin mal-familja. Kif qattgħu dan il-jum il-personalitajiet?
Joe Tanti – Preżentatur
Suppost kellna pjanijiet kbar din is-sena u suppost kellu jkun wieħed tajjeb għaliex jaħbat l-aħħar Jum San Valentinu tagħna qabel ma niżżewġu f’Lulju li ġej. Konna ppjanajna li nqattgħu tmiem il-ġimgħa Għawdex però, rridu nieħdu lit-tifel għal xi testijiet l-isptar u ovvjament kellna nħassru l-pjanijiet li kellna. Minflok, morna nieklu ikel Ċiniż għax dak hu l-favorit ta’ Michelle u jogħġobha immens, għax kif jgħidu ‘Happy wife is a happy life’.
Lara Cuschieri – Attriċi
Kull sena, għal Jum San Valentinu nieħdu ħsieb li norganizzaw xi ħaġa għal din l-okkażjoni, sena hu u sena jien. Din is-sena kien imiss lili u minħabba li ma kontx xogħol il-ġurnata kollha, qgħadt nipprepara ikla tajba u kompluta għar-raġel, bl-ikel favorit tiegħu li huwa tagliatelle bl-awwista. Ir-raġel kien proponieli biex niżżewġu propju f’Jum San Valentinu meta konna xtrajna d-dar, allura dejjem niftħu flixkun inbid u noqogħdu nixorbuh flimkien. Qgħadna nitkellmu u nqattgħu l-ħin flimkien għaliex ma tantx ikollna ċans niltaqgħu minħabba x-xogħol u impenji oħra. L-importanti huwa li qgħadna flimkien u nqtajna mit-teknoloġija, mobiles, Facebook eċċ biex niddedikaw il-ħin għal xulxin.
Claire Agius Ordway – Preżentatriċi
Din is-sena ma tantx kellna ċans nagħmlu pjanijiet għal Jum San Valentinu għaliex it-tfal jinsabu għaddejjin bl-eżamijiet. Allura ma kienx hemm pjanijiet għal xi ħaġa romantika mar-raġel. Iltqajna xi koppji ħbieb u ħuti u qgħadna ġewwa flimkien niċċajtaw bejnietna. Spiċċajna qattajna lejl rilassat f’kumpanija tajba.
Daniel Chircop – Preżentatur
Jien nemmen li ma tridx toqgħod tistenna Jum San Valentinu biex turi l-imħabba, imma trid tkun ħaġa li tagħmel matul is-sena kollha. Issa, jien u l-mara ilna miżżewġin għal dawn l-aħħar sentejn u nofs kważi u vera ħaditha bi kbira meta għidtilha li ma kont ippjanajt xejn għal dan il-Jum San Valentinu. Li għamilna hu li qattajna l-ġurnata billi għamilna kollox flimkien. Morna nieklu xi ħaġa flimkien u wara morna għal massage flimkien. Filgħaxija mbagħad morna party ma’ xi ħbieb li kien jgħaqqad, il-Karnival, Jum San Valentinu u għeluq snin ħabib tagħna. L-aktar ħaġa importanti li nara jien mhux il-pjanijiet imma li tqatta’ l-ġurnata flimkien.
Stephanie Spiteri – Preżentatriċi
Ma tantx kellna affarijiet pjanati din is-sena għax ippreferejna nqattgħu l-ġurnata flimkien mat-tfal id-dar għaliex ma niħux gost inħalli t-tfal id-dar waqt li aħna noħorġu. Jien nieħu gost insajjar ħafna allura ħadt gost nipprepara ikla tajba għall-familja u wara li kilna qgħadna naraw film flimkien. Xtrajt xi bżieżaq tal-helium u bdejna nieħdu n-nifs minnhom u nbiddlu leħinna u vera dħakna. Anzi kont fortunata u qlajt kartolina, din id-darba!
Pierre Cordina – DJ
Nhar il-Ġimgħa kont xogħol minħabba l-Karnival allura s-Sibt iddeċidejna li nqattgħu l-jum ġewwa, flimkien. Xtrajna ikel Indjan, għax dak hu l-favorit tagħna, ftaħna flixkun inbid tajjeb u qattajnieh fil-kumpanija ta’ xulxin, b’mod rilassat. Anke minħabba l-fatt li nhar ta’ Sibt problema biex issib post f’ristorant aħseb u ara f’Jum San Valentinu.