Il-Qorti fl-Ingilterra qed tisma' l-każ ta' turista Norveġiża li f'Mejju tas-sena l-oħra ġiet stuprata darbtejn fl-Ingilterra. Iż-żewġ każi ta' stupru kienu separati, għalkemm seħħew it-tnejn fl-istess lejl, u ż-żewġ stupraturi ma kinux jafu lil xulxin.
It-turista ta' 23 sena kienet qed tattendi għal barbeque fejn għamlet in-nofstanhar tixrob, u hekk kif riedet tmur lura d-dar, bdiet issaqsi għall-għajnuna għaliex kienet intilfet, Din it-turista kien mingħaliha li tinsab fl-ajruport ta' Heathrow, iżda minflok kienet qiegħda fi stazzjon taħt l-art fil-Lvant ta' Londra.
Il-Qorti semgħet kif Marius Stakele ta' 24 sena kien qed jimxi magħha, hekk kif ħabtilha rasha ma' ħajt u stupraha. Wara dan il-każ, il-vittma marret tagħmel rapport l-għassa fejn minn testijiet tad-DNA deher li din kienet ġiet stuprata darba oħra wkoll, li hi ma kinetx taf biha.
Apparentament, il-vittma ma tiftakar xejn x'ġara bejn nofsillejl u l-erbgħa ta' filgħodu, u kien propju f'dan il-ħin li hi ġiet stuprata mit-tieni aggressur. Aftab Mohammed ta' 39 sena ġie intraċċat permezz tad-DNA tiegħu.
Mohammed kien qiegħed waqt xogħlu bħala membru tas-sigurtà f'żona ta' kostruzzjoni u kien hemmhekk li l-vittma marret titolbu għall-għajnuna, biex iwassalha bil-vettura tax-xogħol.
Dan l-aggressur qal li kienet hi li qaltlu li trid tmur miegħu u kien f'dan il-ħin li Mohammed 'stupraha'.
Il-każ għadu qed jinstema' fil-Qorti.