Il-UĦM qed tallega li Justyne Caruana heddet ħaddiema tad-Day Centres

Stqarrija mill-UĦM li tikundanna l-aġir li hi sejħet arroganti tas-segretarju parlamentari

Il-UĦM ħarġet stqarrija li irċeviet numru ta' ilmenti mingħand ħaddiema li sal-lum kienu jmexxu d-day centres imferrxin f'Malta. Dan wara li ġew mhedda mis-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana jumejn ilu.

Għal dawn l-aħħar snin, il-UĦM kienet qed titlob grad u struttura għall-ħaddiema li jaħdmu fid- day centres. Dan peress li dawn l-istess ħaddiema kienu kollha jaħdmu bl-istess grad imma jagħmlu xogħolijiet differenti: min ta' tmexxija u min ta' assistenza.

Iżda s-Segretarjat responsabbli mid-day centres, minflok iltaqa' biex jiddiskuti struttura xierqa għal dawn il-ħaddiema, ħatar numru ta' supervisors ħalli minflok jibdew jagħmlu xogħol ta' tmexxija fl-istess ċentri. Il-UĦM tisħaq li għalkemm il-Gvern kien marbut joħroġ is-sejħa għal supervisors, ir-rwol ta' dan il-grad mhux ta' tmexxija f'day centres. Barra minn hekk, il-union tisħaq li l-ħaddiema, li ilhom għal dawn l-aħħar snin imexxu dawn iċ-ċentri ta' matul il-jum, m'għandhomx jingħataw il-ġenb u jitpoġġa ħaddieħor minflokhom.

Għaldaqstant, il-union talbet laqgħa immedjata mad-direttur tad-dipartiment konċernat u ħarġet direttiva biex dawn il-ħaddiema jibqgħu jaqdu l-istess rwolijiet li kienu jagħmlu u ma jiċċaqilqux mid-day centres.

Skont l-istqarrija tal-UĦM  nhar il-Erbgħa s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana, flok iltaqgħet mal-UĦM biex issolvi din il-problema, laqqgħet il-ħaddiema u heddithom sabiex ma jsegwux id-direttiva legali maħruġa mill-UĦM. Dawn il-ħaddiema saħansitra ġew mhedda li jiġu rappurtati lill- Kummissarju tal-Pulizija.

Il-UĦM tikkundanna l-aġir tas-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana u qed tinkoraġġixxi lill- ħaddiema sabiex jibqgħu jiġġieldu għad-drittijiet tagħhom.

L-istqarrija tal-UĦM ttemm li l-unjin se tibqa' tipproteġi u tiġġieled għal dawn id-drittijiet filwaqt li mhi se tħalli lil ħadd ikasbar id-dritt tal-ħaddiem li jsib appoġġ minn union tal-għażla tiegħu.

More in Socjali