Minn tal-inqas 186 mietu kawża ta' valangi kontinwi fil-Grigal tal-Afganistan. L-ammont żdied l-aktar matul il-jum tal-Ħamis hekk kif membri tas-salvataġġ sabuha diffiċli biex ineħħu l-ammonti kbar ta' borra li difnet diversi djar.
Uffiċjal tal-lokal qal li ma kienx hemm biżżejjed apparat biex ineħħu s-silġ mill-passaġġ u b'hekk isalvaw in-nies li kienu maqbuda fil-borra.
Dawn il-valangi bdew nhar it-Tlieta f' Panjshir Valley, madwar 95km 'il barra minn Kabul. Bil-borra li niżlet, ġew imblukkati diversi toroq ewlenin li jgħaqqdu l-belt mal-bqija taż-żona Afgana. B'konsegwenza ta' dan l-isforzi biex tinġieb aktar għajnuna, komplew isiru aktar diffiċli.
L-ammont ta' borra li niżlet kienet tilħaq iż-żewġ metri f'ċerti żoni u ġie deskritt bħala ammont li qatt ma deher daqsu f'dawn l-aħħar għaxar snin.