Il-premier ta' Fifty Shades of Grey kien nhar il-Ġimgħa 13 ta' Frar fl-Eden Cinemas u l-popolarità tiegħu għadha għaddejja skont kelliem għaċ-ċinema.
"Bħala wieħed mill-iktar films mistennija din is-sena, ma kien hemm l-ebda dubju li l-film kien se jkun ta' suċċess kbir fil-box office, imma, l-aspettazzjonijiet kienu totalment maqbuża u kellu jintwera għal iktar drabi milli kien pjanat," qal kelliem tal-kumpanija fi stqarrija.
Wara għaxart ijiem tal-ħruġ tal-film, dan il-film ġibed lejn iċ-ċinema iktar minn kull film li ħareġ s'issa fl-2015 u iktar minn kull film li ħareġ fl-2014, u għamel rekord tal-iktar film li qatt ġie muri matul Frar.
Fifty Shades qabeż ukoll l-ikbar films tas-sena l-oħra, The Hobbit u Maleficent, u hu mistenni li jibqa' jkompli jikser ir-rekords tul il-perjodu li se jkun qed jintwera, dak ta' iktar minn 12 u 16-il ġimgħa.
Hu interessanti li wieħed jgħid li fit-tieni ġimgħa, l-attendenza tal-film naqset bi 73% fl-Amerka, imma lokalment dan il-film qed imur aħjar minn kull blockbuster fl-ewwel ġimgħa tiegħu.