Aġġornat: L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex u President tal-Konferenza Episkopali Maltija, f’isem il-Poplu ta’ Alla fil-Knisja ta’ Għawdex bagħat dan il-messaġġ ta’ awgurju lill-Arċisqof Scicluna: F’isem id-Djoċesi ta’ Għawdex, l-Isqof Mario Grech jifraħ lill-Arċisqof ġdid ta’ Malta, Mons. Charles Jude Scicluna. Hu jistieden lill-Poplu ta’ Alla f’din il-Knisja partikulari f’Għawdex biex jitlob għalih.
Aktar kmieni:
L-Isqof Charles J. Scicluna inħatar uffiċjalment bħala l-Arċisqof il-ġdid ta’ Malta, u dan ġie wara r-riżenja tal-Isqof Emeritu Pawl Cremona. Scicluna okkupa l-kariga ta’ Amministratur Appostoliku, fl-assenza ta’ Arċisqof u dan sakemm in-Nunzju Appostoliku, Mons. Aldo Cavalli jagħmel l-għażla tiegħu għal Kap il-ġdid tal-Knisja Maltija.
Illum f’nofsinhar, waqt konferenza stampa fil-Kurja ta’ Malta, Scicluna qal li għalkemm ilu f’Malta mill-2012, issa jrid jisma’ lill-poplu bħala Arċisqof. Tkellem ukoll dwar il-fatt li kulħadd irid iġorr ir-responsabbilta tiegħu skont il-vokazzjoni tiegħu.
B’referenza għall-messaġġ pastorali tar-Randan li għamel ftit ilu, qal li issa l-istennija u l-antiċipazzjoni intemmew però, il-wens u l-maħfra għandhom jibqgħu.
B’risposta għal domandi mill-midja dwar riforma u tibdil fil-kurja, Scicluna qal li x-xogħol fir-riforma beda u l-miri għandhom ikunu biex ikun hemm iktar effiċjenza u jibdew jitnaqqsu l-€500,000 defiċit li ammetta li jinkwetawh.
Meta mistoqsi dwar ir-reazzjoni tiegħu għall-aħbar, fost diversi kummenti umoristiċi, qal li ħass paċi kbira dak il-ħin li ġie mogħti l-aħbar, waqt li rringrazzja lill-ġenituri tiegħu.
L-isfida prinċipali tal-knisja f’Malta hi li tkun xhieda kredibbli tal-messaġġ ta’ Ġesù Kristu.
Fost ċapċip, Mons. Scicluna sellem u rringrazzja lil predeċessuri tiegħu Pawl Cremona u Guzeppi Mercieca u d-djoċesi t’Għawdex.
Mistoqsi dwar il-konferenza episkopali li tagħha huwa president l-Isqof t’Għawdex Mario Grech, l-Arċisqof Scicluna qal li l-Isqof Grech se jibqa’ president tagħha minħabba li dan ġie elett.
Il-kummenti ta’ Mons. Scicluna dwar il-każi ta’ dehriet tal-Madonna, kienu kwotazzjoni ta’ San Pawl, “Tiddisprezzaw l-ebda profezija, imma jgħid ukoll iddixxernu kollox u żommu dak li hu tajjeb.” Kompla billi qal, li l-Knisja, għandha teżamina u twieżen, iżżomm dak li huwa tajjeb, waqt li dak li mhux tajjeb tiddikjarah ta’ li hu.
Scicluna qal li se jibqa’ joqgħod mal-ġenituri tiegħu biex igawdihom fir-residenza tagħhom f’Ħal-Lija, meta mistoqsi dwar il-pjanijiet ta’ residenza.
Dwar task-force u l-grupp ta’ ħaddiema madwaru, qal li jrid element żagħżugħ imma ma jistax jwarrab nies ta’ esperjenza, waqt li irringrazzjahom tal-ħidma tagħhom.