Estensjoni tal-Petting Farm fil-Park Nazzjonali

Inawgura vaska kbira għall-ħut

Inawgura vaska kbira għall-ħut
Inawgura vaska kbira għall-ħut

Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, dalgħodu inawgura vaska kbira għall-ħut li nbniet bħala estensjoni tal-Petting Farm fil-Park Nazzjonali f’Ta’ Qali. F’dan il-post, kien hemm xi siġar li nqalgħu u tħawwlu f’Ta’ Qali stess biex b’hekk jinħoloq spazju għall-vaska nnifisha.
 
Il-Ministru Brincat qal li apparti milli tipprovdi attrazzjoni ġdida għan-nies li jżuru l-Park Nazzjonali, dan se jgħin biex issebbaħ l-ambjent innifsu. Barra minn hekk l-aktar aspett pożittiv ta’ dan kollu huwa li d-disinn u x-xogħlijiet għamluh il-ħaddiema nfushom tad-Direttorat tal-Parks.
 
Il-kumpless kollu huwa primarjament magħmul minn vaska rettangolari b’forma oriġinali b’kejl ta’ 25 metru b’10 metri, b’fond approssimattiv ta’ madwar 1.30 metru biex b’hekk iżomm madwar 325,000 litri ta’ ilma. Iż-żona tal-madwar hija landscaped minn blat naturali u pjanti. Il-vaska prinċipali hija kkumplimentata minn żewġ vaski oħra, fejn il-vaska ta’ daqs medju fiha walk bridge magħmula mill-azzar u l-injam. L-iżgħar vaska hija mżejna minn blat naturali u ħnejja magħmula minn ġebel naturali, minn fejn l-ilma jiġi ppumpjat u jinżel mill-ogħla punt tagħha sabiex jifforma kaskata ta’ tliet livelli differenti.
 
Karatteristiċi oħrajn fil-madwar tal-kumpless jinkludu sisien tal-injam, blat skulturat, pjanti naturali u żewġ pjattaformi jisporġu ’l barra minn fejn il-viżitaturi jkunu jistgħu jitimgħu l-ħut tat-tip Koi. Dan il-proġett uniku għandu jgħin kemm lit-tfal u lill-adulti sabiex jifhmu u japprezzaw aktar in-natura u l-annimali.
 
Filwaqt li feraħ lid-diriġenti u l-ħaddiema tal-Parks għal ħeġġa, l-entużjażmu u l-ideat tagħhom, il-Ministru Brincat qassam ċertifikati lill-ħaddiema li għadhom kif ħadu sehem f’kors tal-MCAST dwar Urban Tree Pruning fejn il-prattika saret f’Ta’ Qali stess.
 
Fl-istess ħin huwa qal li kien ta’ sodisfazzjon kbir għalih li d-Direttorat tal-Parks għadu kif laħaq ftehim mal-MCAST sabiex fil-ġejjieni qrib dan il-kors jerġa’ jsir fil-bini tal-Parks stess. B’hekk dawk il-ħaddiema li ma setgħux jattendu l-kors oriġinali se jkollhom opportunità mill-ġdid biex jagħmluh.
 

More in Socjali