- Fetħu l-applikazzjonijiet tal-ewwel sejħa tal-Fond għall-Ghaqdiet Volontarji. B’kollox, din is-sena ġew ivvutati Ewro 900,00 għal dan il-Fond. L-applikazzjonijiet għall-proġetti soċjali jagħlqu fil-5 ta’ filgħaxija tal-10 ta’ April.
F’konferenza tal-aħbarijiet qabel l-ewwel laqgħa, mal-għaqdiet volontarji nteressati li japplikaw il-President ta’ Malta l-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-fond għall-għaqdiet volontarji għandu tlett għanijiet. Dak li jgħin fit-tisħiħ tal-ġustizzja soċjali billi jħeġġeġ ir-riflessjoni u l-azzjoni tal-volontarjat fil-qasam tas-solidarjeta’ u l-wens soċjali. Qalet ukoll li l-fond qiegħed hemm biex iwieżen lill-volontarjat fil-ħidma b’risq in-nies vulnerabbli u li jkattar il-kooperazzjoni bejn l-għaqdiet volontarji b’risq dawk li l-aktar għandhom bżonn.
Il-President spjegat kif il-Malta Community Chest Fund qed taħdem qatigħ b’risq in-nies, ħafna drabi dawk vulnerabbli. Sostniet kif il-Malta Community Chest Fund retta ħafna fit-trasparenza u l-kontabilita’ f’għemilha, u dan għaliex flus li jagħti l-poplu jeħtieġ li jkunu kontabbli. Hi tkellmet fuq il-bżonn ta’ tiġdid tal-Malta Community Chest Fund, biex b’dan il-mod meta titwaqqaf bħala Fond ikollha personalita’ legali, u tista’ tifrex iktar ħidmietha.