It-12-il sena tal-mixja tal-Ġimgħa l-Kbira b'risq Puttinu

Il-mixja ta' bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira rat aktar minn 8,000 ruħ jieħdu sehem is-sena li għaddiet

Għal 12 is-sena konsekuttiva, fil-lejl bejn Ħamis ix-Xirka u l-Ġimgħa l-Kbira, se jsir il-pellegrinaġġ annwali mill-Mellieħa sal-Isla. Is-sena li għaddiet, kienu aktar minn 8,000 ruħ li ħadu sehem u n-numri din is-sena huma mistennija li jkomplu jikbru.
 
Din il-mixja rat il-bidu tagħha grazzi għas-Sur Joseph Vella mill-Mellieħa, iżda sena wara sena, l-għadd ta' nies li pparteċipaw f'din il-mixja żdied b'ammont sostanzjali.
 
Għal diversi snin il-parteċipanti ta' din il-mixja ikkontribixxew għall-kawża ta’ Puttinu Ċares Ċanċer Support Group. Is-sena li għaddiet inġabar total ta’ €80,000, kemm mill-parteċipanti kif ukoll minn diversi sponsors li appoġġjaw dan l-avveniment.
 
Kulħadd huwa mistieden biex jipparteċipa f'din mixja nhar il-Ġimgħa 2 t’April li tibda fis-02:00 minn Misraħ iz-Zjara Tal-Papa (ħdejn is-Santwarju tal-Madonna) fil-Mellieħa. Kull min beħsiebu jipparteċipa irrid ikun il-Mellieha mhux aktar tard mis-01:30. Il-parteċipanti kollha huma mitluba li jgħatu minimu ta' €10. Il-mixja tieħu madwar 4 sigħat u hija distanza ta’ madwar 30 kilometru.
 
Mal-wasla fl-Isla, jingħata ċertifikat ta' parteċipazzjoni lill-parteċipanti kollha u ħafna jkunu dawk li jagħżlu li jidħlu fil-Knisja Parrokkjali tan-Natività tal-Verġni Marija l-Isla sabiex jitolbu quddiem l-Istatwa tar-Redentur.
 
Matul il-mixja jkun hemm postijiet fejn jingħata ilma, kafé u frott. Jkun hemm servizz mediku f’kaz ta’ xi emergenza, kif ukoll minivans għal minn jaqta' qalbu tul il-mixja, u dawn iwassluhom l-Isla.
 
Ikun hemm hemm trasport provdut mill-Isla qabel il-mixja għall-ħabta ta’ nofsillejl, kif ukoll lura lejn il-Mellieħa wara l-mixja.
 
Għal informazzjoni u bookings ta' trasport, ċemplu fuq 9999 1800

More in Socjali