Approvat investiment ta' €132m mill-Kummissjoni Ewropea

Investiment ta' 132 miljun euro fil-kapital uman f’Malta iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat il-Programm Operazzjonali Malti "Ninvestu fil-kapital uman" iffinanzjat mill-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għall-perjodu 2014-2020. Dan il-programm għandu l-għan li jinvesti aktar minn 132 miljun euro (li 105 miljun euro minnhom ġejjin mill-FSE) għall-promozzjoni tal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali, għat-titjib fis-sistema edukattiva u fl-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika.

Marianne Thyssen, il-Kummissarju għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali, il-Ħiliet u l-Mobilità tal-Ħaddiema, ikkummentat: "Nilqa' l-adozzjoni ta' dan il-programm li se jgħin biex aktar nies isibu impjieg, b'mod partikolari ż-żgħażagħ, se joffri opportunità indaqs lil gruppi vulnerabbli u se joħloq popolazzjoni aktar imħarrġa. Il-fondi tagħna se jikkontribwixxu direttament għall-Istrateġija tal-UE għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv.”

L-investiment se jiffoka fuq dawn il-prijoritajiet:

Se jiġu investiti €26m b'appoġġ għal miżuri li għandhom l-għan li jtejbu l-prospetti ta' impjiegi għal persuni li qed ifittxu impjieg u dawk inattivi, kif ukoll li jappoġġjaw il-mobilità tax-xogħol u l-integrazzjoni taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol. Aktar minn 5,700 persuna huma mistennija jiksbu appoġġ, inklużi tal-anqas 2,700 żagħżugħ u żagħżugħa.
€40m se jiġu investiti għall-finanzjament ta' azzjonijiet li jfittxu li joħolqu aktar opportunitajiet għal gruppi bħal nisa u persuni inattivi, u biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tas-saħħa u l-inugwaljanzi. Aktar minn 10,000 persuna huma mistennija jirċievu appoġġ.
Se jiġu investiti €47.4m għall-finanzjament ta' azzjonijiet biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola, biex ikun hemm aktar studenti fl-edukazzjoni terzjarja u biex tiżdied il-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja. Se jiġu appoġġjati wkoll interventi li jsaħħu s-sistemi tal-edukazzjoni vokazzjonali u tat-taħriġ. Sa 12,000 student jistgħu jibbenefikaw minn korsijiet tat-teknoloġija diġitali u 8,000 persuna oħra minn tagħlim tul il-ħajja jew tagħlim ta' ħiliet ġodda u titjib tal-ħiliet eżistenti.
Għall-amministrazzjoni pubblika, se jiġu investiti €11m għal għajnuna fit-titjib tal-kapaċità u tal-effiċjenza amministrattivi, u sabiex is-servizzi jitwasslu aħjar liċ-ċittadini. Il-mira hawnhekk hija li jitħarrġu 4,000 ruħ. L-interventi jiffokaw fuq it-tisħiħ tal-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati li jwasslu l-edukazzjoni (inkluż it-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ), filwaqt li huma appoġġjati wkoll il-politiki soċjali u tal-impjiegi, b’mira ta’ 500 persuna fl-organizzazzjonijiet tal-partijiet ikkonċernati.

 

More in Socjali