L-Isptar St.James jiċħad kategorjament rapporti li ħarġu fuq il-mezzi tax-xandir li l-operazzjonijiet kummerċjali fil-Libja kienu tant piż fuq l-operat tas-St.James li dan jaf wassal għall-bejgħ tas-St.James Capua.
Id-direttur maniġerjali tas-St. James, Jean Claude Muscat saħaq li l-operazzjonijiet internazzjonali dejjem tmexxew minn kumpaniji separati u distinti minn dawk li jieħdu ħsieb l-operazzjonijiet lokali. Din l-istruttura tiffoka b'mod partikolari fuq l-operazzjonijiet fil-Libja u fl-Ungerija. Naturalment, l-Isptar St. James ra żminijiet diffiċli fir-Rebbiegħa Għarbija, u għadu jara żminijiet diffiċli llum il-ġurnata - iżda dan ma kienx ta' piż fuq l-operazzjoni lokali tal-isptar.
Aktar kmieni...
It-tabib Josie Muscat biegħ l-isptar Saint James lil kumpanija Amerikana li se tieħu f’idejha l-isptar ta’ Tas-Sliema, is-Saint James Capua Hospital. Muscat se jżomm l-isptar żgħir ta’ Ħaż-Żabbar li ftit tal-jiem ilu nħariġlu l-permess mill-MEPA biex jibni sptar ġdid minfloku viċin iż-żona industrijali ta’ Bulebel. Peress li l-kumpanija Amerikana xtrat ukoll l-isem Saint James, jidher li l-isptar ta’ Ħaż-Żabbar se jingħata l-isem ta’ Sptar Santa Marija.
Il-grupp Saint James hu mmexxi minn Josie Muscat innifsu flimkien ma’ tnejn mis-sitt uliedu, Jean Claude Muscat u Maria Bugeja li għandhom responsabiltajiet varji fejn waqt li Jean Claude Muscat hu responsabbli tal-operat tas-Saint James fil-Libja u l-Ungerija, Maria Bugeja hi responsabbli tal-isptar Saint James Capua f’Tas-Sliema u l-operat tal-klinika TRANSFORMA.
Mhux magħruf x’jwassal lil Josie Muscat biex ibiegħ l-akbar sptar privat f’Malta iżda sorsi li tkellmu mal-ILLUM qalu li l-kumpanija tilfet flus kbar fl-operat tal-isptar fil-Libja minn wara t-tneħħija ta’ Gaddafi. Qalu li għalkemm il-grupp tilef ġidu fil-Libja, l-isptar Saint James Capua kien l-isptar li kien qed jiġġenera l-finanzjament tal-grupp kollu.