Imniehdi Learn IT - taħriġ fl-IT għall-adulti, nisa tad-dar u anzjani

"Il-Kunsilli għandhom joffru opportunitajiet effettivi għall-qabża fil-kwalità ta' ħajjet ir-residenti" - Is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo 

Madwar elfejn parteċipant minn diversi lokalitajiet  ta' Malta u Għawdex qed jattendu għal taħriġ fl-informatika Learn IT. Dan it-taħriġ qiegħed isir fil-binjiet tal-Kunsilli Lokali u huwa mfassal għall-adulti, nisa tad-dar u anzjani. L-għan huwa dawn ikampaw fid-dinja tal-lum li hija bbażata dejjem aktar fuq it-teknoloġija.  Waqt it-tnehdija ta' dan it-taħriġ fil-Kunsill Lokali tal-Birgu, is-Segretarju Parlamentari Stefan Buontempo staqsa x’jiswa li bħala Gvern niżviluppaw l-mezzi diġitali biex inkunu aktar trasparenti, demokratiċi u effiċjenti mbagħad ma ngħallmux iċ-ċittadini kif jużaw dawn is-sistemi?

Buontempo qal ukoll li l-Kunsilli Lokali għandhom joffru lir-residenti tagħhom servizzi li jkunu ta’ opportunità effettiva għall-qabża fil-kwalità ta’ħajjet ir-residenti. L-arranġamenti li għamel is-Segretarju Parlamentari ma’ kumpanija privata għamlu għax jemmen li l-Kunsilli Lokali għandhom ikunu ċ-ċentru li jqarreb ir-residenti lejn opportunitajiet biex itejbu aktar il-ħiliet tagħhom. Dawn jinkludu kif iħaddmu l-internet banking, kif jitħallsu l-kontijiet, kif jistgħu jikkomunikaw mad-dipartimenti permezz tal-eGov u eId, u kif jużaw Skype biex ikunu aġġornati ma' dak li qed jiġri madwar id-dinja. L-għan ta' din l-inizzjattiva hija li ħadd ma jħossu mwarrab mis-soċjetà u li ħadd ma jħossu iżolat minħabba nuqqas ta' ħiliet fit-teknoloġija moderna. 


 

 

 

More in Socjali