L-Ajruport Internazzjonali ta' Malta laqgħet 8.1% aktar passiġġieri mill-istess xahar tas-sena l-oħra fi Frar li għadda. Dan juri li l-popolarità ta' Malta fl-istaġun tax-Xitwa qed tiżdied. Din il-popolarità hija grazzi wkoll għaż–żieda ta' 3.1% fl-ammont ta' seats fuq is-sena l-oħra.
Barra minn hekk, fi Frar kien hemm żieda fl-ammont ta' seats mimlijin fuq kull titjira, fejn Frar li għadda din il-figura kienet tilħaq 75.9% - meta mqabbel mat-72.5% matul l-istess perjodu fl-2014.
Il-Kap Eżekuttiv Alan Borg qal li "Din hija konferma oħra li ż-żieda li qed naraw fl-ammont ta' passiġġieri f'Malta hija stabbli, konsistenti u matul is-sena kollha". Nofs it-tkabbir li kien hem mix-xahar li għadda kien kważi kollu lejn jew minn l-Italja. Dan ukoll minħabba li kien hemm żieda fuq ir-rotta ta' Katanja, kif ukoll numru akbar ta' seats fuq titjiriet madwar l-Italja kollha.
Is-Sur Borg żied ukoll li bejn Novembru 2014 u Frar 2015 kien hemm 43,000 aktar passiġġier - żieda ta' 5.1% fuq l-istess perjodu tas-sena li għaddiet.