“Wara disa’ snin li fihom ippritkajt fil-festi titulari tad-Djoċesi tagħna, inħoss li wasal iż-żmien biex – ippermettuli t-terminu – “nerġa’ nagħti lura l-kelma” lilkom is-saċerdoti ħalli fil-quddiesa pontifikali ddawwlu bid-dija tal-Kelma ta’ Alla u tat-tagħlim tal-Knisja lill-komunità miġbura tiċċelebra l-patrun jew partuna tagħha.” Dan qalu l-Isqof t’Għawdex Mario Grech f’ittra miftuħa lis-saċerdoti li huma parti mid-Djoċesi t’Għawdex.
Minn meta laħaq isqof t’Għawdex, Mario Grech kien ħa l-inkarigu li jkun hu li jwassal il-priedka fil-festi titulari kollha fil-gżira Għawdxija. “Kienet l-intenzjoni tiegħi li nagħti kontribut sabiex, fid-dawl ta’ dak li jgħid is-Sinodu Djoċesan, il-festi titulari jsiru dejjem aktar attwali fil-ħajja tal-Insara billi jservu bħala mument ta’ katekeżi biex il-poplu ta’ Alla jgħix il-Vanġelu u jkun melħ tal-art u d-dawl tad-dinja.”
Mario Grech ta numru ta’ linji gwida lis-saċerdoti Għawdxin filwaqt li wegħdhom it-talb tiegħu. “Nagħmlilkom il-qalb biex tikkooperaw miegħi fil-proċess ta’ konverżjoni tal-pastorali tagħna.”
Intant dalgħodu, l-Arċisqof-elett Mons Charles J. Scicluna u l-Isqof Mario Grech, iċċelebraw quddiesa flimkien fis-Santwarju ta’ Pinu, Għawdex. Fi tmiem il-Quddiesa, l-Arċisqof-elett poġġa bukkett fjuri f’riġlejn ix-xbieha tal-Madonna ta’ Pinu. Mons. Scicluna kien il-mistieden ta’ Mons. Grech għal ikla li saret fiċ-Ċentru Ragħaj it-Tajjeb, ir-Rabat Għawdex.