Il-maġġoranza tal-mard fil-kliewi jista’ jkun evitat
Il-Jum Dinji tal-Kliewi . . .
minn Christa Boffa
“Il-maġġoranza tal-kundizzjonijiet li jikkawżaw il-mard fil-kliewi jistgħu jkunu evitati. Il-mard tal-kliewi hu mard kroniku u għalhekk l-enfasi għandha tkun fuq il-prevenzjoni permezz ta’ check-ups regolari.” Dan qalu Paul Calleja, il-Kap Infermier fit-Taqsima Mard tal-Kliewi fl-Isptar Mater Dei li minn naħa tiegħu saħaq ħafna fuq l-importanza tal-prevenzjoni.
Il-Kliewi – organu tant żgħir, iżda ta’ tant importanza għall-benesseri tagħna, fihom kważi daqs ponn il-waħda, jinstabu bejn wieħed u ieħor fuq ġenbejk, u ta’ spiss tisma’ lil min, biex juri kemm jgħożż lil xi ħadd, jgħid li lest li jagħtih waħda minn tiegħu. Il-kliewi jneħħu t-tossini u l-ilma żejjed mid-demm. Barra minn hekk jikkontrollaw il-pressjoni tad-demm, jipproduċu ċ-ċelloli ħomor tad-demm u jżommu l-għadam b’saħħithom. Jikkontrollaw ukoll il-melħ u l-ilma fid-demm sabiex il-pressjoni tad-demm tibqa’ l-istess. Hu għalhekk li organu ta’ daqstant importanza joħloq problemi kemxejn serji meta jieqaf jaħdem sew.
Huwa importanti b’hekk li wieħed jieħu ħsieb il-kliewi tiegħu, speċjalment jekk, fost l-oħrajn għandek pressjoni għolja, issofri mid-dijabete, għandek xi ħadd fil-familja li jbati mill-mard tal-kliewi jew għandek piż żejjed. Aktar ma taqbad il-mard tal-kliewi malajr, aktar faċli li tipprevjeni li l-kliewi tiegħek jieqfu jaħdmu kompletament. Il-prevenzjoni hija importanti, b’mod partikolari għaliex il-mard kroniku tal-kliewi ma juri l-ebda sintomu. Persuna tista’ titlef sa 90% tal-funzjoni tal-kliewi tagħha qabel ma biss tibda tħoss xi sintomu partikolari.
Biex titqajjem kuxjenza dwar kemm għandna nieħdu ħsieb il-kliewi tagħna, nhar il-Ħamis 12 ta’ Marzu jiġi ċċelebrat Jum il-Kliewi – jum li għandu l-għan li jżid il-kuxjenza dwar l-importanza tal-kliewi, x’impatt għandhom il-mard tal-kliewi, u kemm hu importanti li nieħdu ħsiebhom.
L-ILLUM tkellmet ma’ Hannah Cremona, attivista, li fl-2009 nehdiet l-ewwel attivitajiet sabiex titqajjem kuxjenza dwar il-mard tal-kliewi hawn Malta. Hi saħqet li attivitajiet bħal dawn iħeġġu lill-pubbliku għall-iżjed skrinjar tal-kliewi kemm fiċ-ċentri tas-saħħa kif ukoll fl-ispiżeriji. “Mill-2009 ’l hawn saru ħafna inizjattivi differenti, fosthom inizjattiva bħalma kienet it-tnehdija ta’ ktieb ta’ riċetti bnini għal pazjenti li diġà għandhom mard fil-kliewi. Dan il-ktieb kien possibbli grazzi għal James Muscat, Dr. Mario Caruana u Prof Emanuel Farrugia – li ħolqu riċetti bnini għal din id-dieta li fiha wieħed ikun jista’ jiekol biss affarijiet speċifiċi.”
Inizjattivi oħra li qajmu kuxjenza dwar il-mard tal-kliewi b’mod ġenerali. Fl-2012 saret mixja li fiha nġabru fondi għal Malta Transplant Support Group – u li b’hekk qajjimna ħafna kuxjenza dwar id-donazzjoni tal-organi. Fil-fatt, wara din l-inizjattiva kien hemm żieda fl-ammont ta’ applikazzjonijiet biex issir id-donor card.
Tkellimna wkoll ma’ James Muscat, il-Viċi-President tat-Transplant Support Group Malta, li hu donatur ħaj. Muscat saħaq li d-donazzjoni tal-kliewi huwa argument importanti wkoll. Qal li għalkemm bosta jiddiskrivuh bħala eroj, u li għamel ġest nobbli meta ta kilwa lill-ħabib tiegħu – għalih ħass li kien dmiru – “id-donazzjoni ta’ organu huwa l-akbar rigal fil-ħajja. Ma jiswa xejn, iżda permezz tiegħu tista’ ssalva ħajja”.
Ħadna wkoll il-kummenti ta’ kelliema mis-Segretarjat Parlamentari tas-Saħħa li saħqet li d-Direttorat tal-Promozzjoni tas-Saħħa u l-Prevenzjoni tal-Mard, flimkien mad-Dipartiment għas-Saħħa Primarja jorganizza kampanji ta’ edukazzjoni dwar il-melħ, il-pressjoni għolja u d-dijabete. “Jingħata wkoll servizz ta’ konsultazzjoni minn nutrizzjonisti dwar dieta bilanċjata għal min jixtieq inaqqas ir-riskju ta’ mard. L-introduzzjoni tal-lifestyle clinics ġewwa wħud mill-bereġ mifruxa ma’ Malta u Għawdex mistennija tgħin biex fil-prattika n-nies tibda tħaddem dak li tisma’ dwar l-istili ta’ ħajja aħjar.”
Il-kelliema spjegat li bħalissa d-Dipartiment tas-Saħħa jinsab fil-fażi konklussiva tal-preparamenti għat-tnehdija ta’ White Paper li ser titratta d-donazzjoni tal-organi u t-tessut, bil-fażi ta’ diskussjoni pubblika mistennija tibda fil-ġimgħat li ġejjin. “L-għan aħħari huwa li jiġu mħarsa għal kollox id-drittijiet u l-obbligi ta’ dawk li jagħtu kif ukoll l-oħrajn li jirċievu donazzjoni ta’ organi.”
Intant l-attivitajiet ta’ din is-sena kollha għandhom l-għan li jkompli jħeġġu lill-pubbliku jilqa’ għall-mard minn qabel. Fost l-attivitajiet organizzat se jkun hemm lekċers, moniteraġg taz-zokkor u tal-pressjoni tad-demm, u mixja li permezz tagħhom l-organizzaturi jittamaw li l-Maltin u l-Għawdxin ikomplu jagħrfu l-importanza tal-kliewi tagħhom u jitgħallmu jieħdu ħsiebhom.
Min jixtieq aktar informazzjoni dwar il-Malta Transplant Support Group jista’ jidħol fuq is-sit http://www.transplantsupport.com.mt.