Ħafna drabi naħsbu li meta ġġebbed materjal, dan dejjem ħa jirqaq. Dan minħabba li mdorrijin naraw materjali, bhal xi lakstuwwa, li meta ġġebbed iż–żewġ trufijiet, din tirqaq; jew inkella għax meta tqum filgħodu u titmattaw, tħoss żaqqek dieħla 'l ġewwa. Imma dan mhux dejjem hu l-każ. Hemm materjali, hekk imsejħin materjali awkżetiċi (auxetic bl-ingliz) li jitwessgħu meta jiġġebbdu. Dan isir minħabba l-istruttura interna tagħhom.
Dan il-fatt kurjuż wassal għall-snin sħaħ ta' mistoqsijiet u riċerka - sakemm illum ix-xjenzati jidhru li qed jifhmu għalfejn dan jista' jiġri. Fosthom hemm riċerkaturi mill-Università ta’ Malta li qegħdin jsibu mezzi ta' kif jispjegaw l-imġieba mhix tas-soltu ta’ wħud minn dawn il-materjali li jmorru kontra dak li aħna mdorrijin bih. Ir-riċerka tagħhom tista’ tiftaħ triq għal numru kbir ta’ prodotti ġodda u aħjar. Din ir-riċerka jaf tbiddel għal dejjem il-mod ta’ kif nimmaġinaw il-futur.
F’artiklu li għadu kif gie ppubblikat fir-rivista Scientific Reports tan-Nature Publishing Group, il-professur Joseph N. Grima mid-Dipartiment tal-Kimika, espert fil-qasam ta’ metamaterjali mekkaniċi, flimkien mat-tim tiegħu fl-Università ta’ Malta Dr Ruben Gatt, Luke Mizzi, Joseph Azzopardi, Keith M. Azzopardi, Dr Daphne Attard u l-kirurgi Dr Aaron Casha u Dr Joseph Briffa, ippreżentaw mudell ġdid ta' kif dan il-aġir jista' jiġi imitat.
Wieħed mill-għanijiet ewlenin wara dan l-istudju huwa li jintuża fil-qasam tas-saħħa, b’mod aktar speċifiku t-trapjanti tal-ġilda. Din tista' tintuża fi proċedura li tinvolvi t-tneħħija tal-ġilda b’saħħitha tal-pazjent li imbagħad tintuża biex tfejjaq parti oħra li tkun ġarrbet ħafna ħsara, bħal fil-każ ta’ ħruq. Skont Grima l-“Metodi ta’ bħalissa ma jippermettux li l-ġilda tintuża bl-aħjar mod possibbli, li mhix ħaġa ideali fejn sezzjonijiet akbar tal-ġilda huma meħtieġa. Potenzjalment ix-xogħol tagħna jista’ jnaqqas l-ammont ta’ ġilda tajba meħtieġa biex tikkura l-parti miġruha.”