Kburin li waqfu

Fir-Renju Unit illum huwa l-jum ddedikat sabiex iħeġġeġ lil min ipejjep biex jieqaf darba għal dejjem

It-32 sena ta' jum iddedikat propju sabiex jinqata' wieħed mill-vizzji li l-aktar jaħkem nies - it-tipjip. Ir-Renju Unit, bħal-lum, il-11 ta' Marzu jiddedika l-ġurnata sabiex iħeġġeġ lil min għal raġuni jew oħra jrid jieqaf ipejjep, jagħmel dan il-pass. Sa mill-1985 'l hawn il-kampanja inbidlet aktar ma għadda ż–żmien - b'din is-sena tħeġġeġ lil min ġa waqaf jaqsam l-istorja tiegħu sabiex tinspira lil min jixtieq jieqaf, bl-islogan "Proud to be a quitter" - "Kburi/ja li waqaft".

L-organizzaturi tal-kampanji wara dan il-jum, il-British Heart Foundation, jisħqu li dan mhux jum li jisforza lin-nies jieqfu jpejpu, permezz ta' projbizzjonijiet fuq it-tipjip, fost l-oħrajn. Anzi, din il-fondazzjoni tara li tipprovdi raġunijiet għaliex min ipejjep għandu jieqaf - u li tipprovdi ambjent ta' appoġġ għal min jiddeċiedi li jieqaf ipejjep. Fil-fatt tipprovdi fora online, sabiex jingħata appoġġ u kliem ta' kuraġġ minn nies li waqfu jpejpu stess.

X'pariri jingħataw għal min irid jieqaf ipejjep? Fost l-oħrajn jingħata l-parir li wieħed iniżżel dak li jġiegħlek tpejjep, li tevita l-kaffeina u l-alkoħol, li tagħmel xi forma ta' eżerċizzju, u li fuq kollox tfittex l-appoġġ ta' dawk ta' madwarek. Skont statistika jidher li 10 miljun Ingliż ipejjep - u fl-istess ħin 70% minnhom iridu jieqfu.

It-tabakk joqtol aktar min-nofs min jagħmel użu minnu - b'medja ta' 6 miljun persuna fis-sena madwar id-dinja. Sakemm ma titteħidx azzjoni immedjata, din iċ-ċifra beħsiebha togħla sa aktar minn 8 miljuni sal-2030. Tnehdew bosta kampanji madwar id-dinja, mhux fir-Renju Unit biss, sabiex jgħin lil min jixtieq jaqta' it-tipjip - iżda riċerkaturi jgħidu li l-aktar fattur li hemm bżonn sabiex tieqaf huwa r-rieda tiegħek stess sabiex titfi s-sigarett darba għal dejjem.

More in Socjali