Fuq Facebook, Twitter u Instagram taħt #socksbattle4DS numru ta' politiċi speċjalment fuq livell Ewropew qed jieħdu ritratt forsi kemxejn mhux tas-soltu - tagħhom libsin kalzetti ma jaqblux. Imma wara dan kollu hemm kawża nobbli - li titqajjem kuxjenza madwar l-Ewropa dwar id-Down Syndrome.
Dawn ir-ritratti jistgħu jitqiesu bħala simboliżmu tal-islogan ta' din il-kampanja "Normali li tkun differenti" - liema kampanja mibdija mill-Fondazzjoni Jérôme Lejeune u l-World Youth Alliance. Din hija biss waħda mill-attivitajiet u avvenimenti li qed iħejju dawn il-organizzazzjonijiet, hekk kif il-ġimgħa tal-Plenarja fil-Parlament Ewropew fi Strassburgu, bejn id-9 ta' Marzu u l-12 ta' Marzu hemm numru ta' attivitajiet relatati sabiex titqajjem kuxjenza dwar id-Down Syndrome - hekk kif il-21 ta' Marzu huwa l-Jum Dinji tad-Down Syndrome.
F'Malta rajna wkoll politiċi li ħadu sehem f'din il-kampanja, fosthom l-MPE Therese Comodini Cachia, Roberta Metsola kif ukoll il-President tal-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) Gayle Lynn Callus. Nistennew li naraw aktar politiċi u personalitajiet jipparteċipaw - hekk kif kull min jipparteċipa jrid jinnomina nies oħra sabiex jagħmlu bħalu.