L-istemma tal-Arċisqof Charles Scicluna

Il-Motto bil-Latin: FIDELIS ET VERAX (Fidil u Veru)

Il-Motto bil-Latin: FIDELIS ET VERAX (Fidil u Veru)
Il-Motto bil-Latin: FIDELIS ET VERAX (Fidil u Veru)

Sfond aħmar, żiemel, nofs qamar u warda jikkaratterizzaw l-istemma tal-Arċisqof-elett Charles J. Scicluna. Din l-istemma tnediet dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana.

L-arma araldika hi ispirata mill-arma tradizzjonalment assenjata lill-kunjom tal-familja, li għandha żiemel rampanti u nofs qamar krexxenti ta’ lewn abjad/fidda fuq sfond aħmar.

Il-Motto bil-Latin: FIDELIS ET VERAX (Fidil u Veru) huwa meħud mill-Ktieb tal-Apokalissi 19, 11. Huwa t-titlu li jingħata lir-Rikkieb taż-żiemel abjad li huwa Ġesù Kristu nnifsu. Innisrani jagħraf lir-Ragħaj it-tajjeb bħala ragħaj fidil f’kelmtu u li ma jqarraqx bil-merħla. L-isqof huwa meħud mill-merħla biex ikun Ragħaj fuq ix-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb Fidil u Veru. 

L-arma tinkludi l-pallium li hu bħal faxxa li jintlibes fuq il-pjaneta madwar l-għonq. Ikollu wkoll żewġ pendenti wieħed fuq quddiem, ieħor fuq wara. Fuq il-pallium ikun hemm irrakkmati sitt islaleb suwed. Il-pallium hu simbolu tal-awtorità tal-Arċisqof metropolita f’kommunjoni mal-Knisja ta’ Ruma.

Is-Salib Patrijarkali hu Salib Latin b’żewġ traversi orizzontali. It-traversa ta’ fuq tissejjaħ ittitulus cruces, jew il-kitba ta’ Ponzju Pilatu li twaħħlet mas-salib ta’ Ġesù. Fl-isfond tal-arma hemm ukoll is-Salib ta’ Malta peress li Monsinjur Scicluna hu Kappillan Konventwali Gran Cruċ ad honorem.
 

More in Socjali