L-ateu jemmen li alla hu ħolqien tal-bniedem

Studji juru li l-maġġoranza tal-atei huma paċifisti

Atei huma nies li jemmnu li Alla, allat jew kull ħaġa sopranaturali huma ħolqien tal-bniedem u leġġendi. Jew inkella jemmnu li dawn il-kunċetti ma jfissru xejn.

Tisma’ ħafna li jgħidulek ‘Jien ateu’ iżda l-ateiżmu mhux daqshekk faċli biex tikteb dwaru. Ħafna min-nies jidefenixxu lil ateu bħala persuna li jiċħad l-eżistenza ta’ alla. Ħafna mill-atei jiddeskrivu lilhom infushom bħala li m’għandhomx għarfien tal-ebda alla. Hawn min iqis l-ateiżmu li hu reliġjon fih innifsu għax jirreferi għal twemmin li jikkonċerna l-allat, l-umanità u l-kumplament tal-università u għax l-atei żviluppaw raġuni morali li takkumpanja l-ateiżmu. Iżda hemm atei li din ma jaċċettuhiex għax iqisu li kull reliġjon hi marbuta ma’ xi alla jew aktar. 

Illum qed jintużaw kliem speċifiku wkoll fl-ateiżmu - hemm ateiżmu qawwi, ateiżmu ‘soft’ u ‘apatheism’ li jfisser li jħares lejn il-mistoqsija dwar l-eżistenza jew le ta’ alla jew allat bħala irrelevanti. Imbagħad hemm l-agnostiċi li huma nies fit-triq tan-nofs li la jemmnu u lanqas ma jemmnux f’Alla.

Dan kollu juri li mhux faċli tfiehem xi tfisser tkun ateu. Però hu fatt magħruf ukoll li qatt ma saru battalji f’isem l-ateiżmu. Saru u għadhom isiru battalji kbar u massakri f’isem Alla u f’isem Allah, f’isem alla wieħed u ħafna allat, f’isem reliġjonijiet differenti u f’isem kulturi differenti li jħaddnu twemmin differenti. Dawk kollha li jemmnu f’xi tip ta’ reliġjon jew alla inkella allat kollha riedu jew anke jridu li kulħadd jemmen bħalhom. L-atei fil-maġġoranza tagħhom jemmnu li ma jemmnux u jħallu lil kulħadd jemmen li jrid. Dawk li jemmnu jridu lil kulħadd jemmen bħalhom tant li kollha kienu u għadhom jemmnu fil-konverżjonijiet għar-reliġjonijiet tagħhom. Għalkemm wieħed irid jammetti wkoll li kull reliġjon tipprietka l-paċi iżda l-popli li jsegwuhom ifittex il-konfront biex iwassal għal paċi ta’ alla tiegħu. 

Dan l-aħħar iltqajt ma affermazzjoni ta’ ateu li tgħid hekk:

JIEN ATEU

M’iniex ateu biex inħossni differenti

M’iniex ateu għax ma naqbilx ma l-estremiżmu reliġjuż

M’iniex ateu għax ma naħsibx li l-ħażin jista’ jeżisti f’dinja f’alla fiha

M’iniex ateu għax naħseb li x-xjenza tista’ tipprova li alla ma jeżistix

Jien ateu għax huma r-reliġjonijiet li għandhom jippruvaw li alla jeżisti. Jekk tipproponi l-eżistenza ta’ xi ħaġa trid timxi bil-metodu xjentifiku biex tipprova l-eżistenza. Jekk ma tagħmilx dan allura m’għandi l-ebda raġuni li nisma’ minnek.

L-ILLUM talab kummenti dwar kif jaħsbuha dwar l-ateiżmu personalitajiet li ma jiddejqux juru dak li jemmnu. Għalkemm jidher li għad hawn tabù fuq min hu ateu. Tlabna l-kummenti tal-kandidat Nazzjonalista Wayne Hewitt li b’wiċċu minn quddiem dejjem deher fuq mezzi tax-xandir jiprofessa lilu nnifsu bħala ateu konvint, iżda din id-darba qalilna li għandu ħafna x’jagħmel bl-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali u ma kellux ħin jibgħatilna żewġ paragrafi u weġibna hekk, “John mhux ghalissa jekk hu possibbli, imqar jgħaddu l-elezzjonijiet minħabba ċans. Skużani ħabib imma bħalissa mirdum.” 

Peppi Azzopardi - Preżentatur

Ma nafx jekk hemmx Alla jew jekk hemmx ġenna jew infern. Inħossni arroganti ngħid li ċert li m’hemmx bħalma nħoss arroganza fin-nies  li bilfors iridu jgħidu li żgur hemm il-ħajja wara l-mewt. Ma nemminx li hemm infern u jekk hemm inħossni konvint li l-infern vojt. Ma jistax ikun li l-Alla li tgħallimt dwaru jien u li hu mħabba jista’ qatt jippermetti kastig u kastig għal dejjem. L-akbar periklu tar-reliġjon hija meta n-nies jibdew jemmnu li iktar ma tbati f’din id-dinja iktar tgawdi fl-oħra. 

Din tpoġġi lil dawk li jagħmlu l-miljuni  minn fuq dahar in nies f’pożizzjoni veru komda. Bagħti għalija f’din id-dinja imbagħad gawdi fl-eternità waqt li jien inkompli nistgħana. Nemmen ħafna fit-tagħlim ta’ Ġesù Kristu u nqisu bħala l-akbar rivoluzzjonarju politiku li qatt għex. 

Nipprova nimxi fuq il-ħajja u t-tagħlim tiegħu anke jekk niskopri li mhux Alla u ma tagħmillix differenza jekk qamx mill-mewt u jekk il-Madonna kinitx verġni jew le wara li wellditu.Kristu jisfidani mhux biss biex naħfer imma biex inħobb u nagħmel il-ġid lil min jagħmilli l-ħsara. 

Diffiċli nisma’ minnu imma nipprova u iktar ma jgħaddi iż-żmien iktar qed jirnexxieli.

Ramon Casha – Viċi President Assoċjazzjoni Maltija tal-Umaniżmu

Filwaqt li l-ateiżmu ifisser xejn iżjed jew inqas milli wieħed ma jemmen f’ebda alla, wieħed jista’ jmur pass aktar minn hekk. L-Umaniżmu huwa stil ta’ ħajja morali bbażata fuq ir-raġuni tal-bniedem, u li tħeġġeġ ix-xjenza bħala l-iżjed mod affidabbli biex wieħed jitgħallem dwar l-univers. Hija komunità li, f’Malta għadha żgħira imma dejjem tikber. Aħna nqisu bħala kruċjali d-drittijiet tal-bniedem u l-ugwaljanza. Filwaqt li l-ateiżmu jindika xi ħaġa li ma temminx, l-Umaniżmu jindika xi ħaġa li tħaddan.

Jekk wieħed jifli l-kotba kollha ta’ skrittura malajr jinduna li dak li kien jgħodd bħala moralità mijiet jew eluf ta’ snin ilu m’għadx hawn postu llum. Dawn inkitbu fi żminijiet fejn l-iskjavitù kienet ħaġa normali, fejn in-nisa kienu jinbigħu u jinxtraw bħal propjetà, fejn il-piena tal-mewt kienet tingħata daqs tazz’ ilma. Dawn huma problema jekk wieħed jemmen li jiffurmaw parti mill-kelma ta’ xi alla li huwa perfett, bħalma jiġri f’pajjiżi fejn ir-regoli ta’ xi reliġjoni jiġu imposti. L-Umaniżmu m’għandux allat, allura m’hemm ebda problema jekk ‘il quddiem nirrealizzaw li kellna xi żball u rridu nirranġawh.

Ħafna nies iħossu xewqa li jtejbu d-dinja ta’ madwarhom imma jsibu wisq problemi f’reliġjonijiet ibbażati fuq elfejn sena ilu. Jixtiequ komunità li tiddibatti mhux tiddetta, fejn in-nisa stmati daqs l-irġiel, fejn l-imħabba bejn koppja tal-istess sess hija valida daqs koppja ta’ sess oppost. Iridu jgħixu kull mument minn din il-ħajja mhux jaħluha jippreparaw għal xi waħda wara l-mewt. Fl-Umaniżmu wieħed isib oħrajn b’dawn il-fehmiet, li ngħożżu l-umanità tagħna.

Anton Sammut - Kittieb

Li wieħed jiddikkjara li hu ateu konvint fl-opinjoni tiegħi jew jaf il-Verità Assoluta (li ma naħsibx li huwa l-każ) jew inkella jkun qed jissimplifika wisq l-affarijiet. Dan ġej mill-fatt li l-kunċett ta’ x’inhu Alla huwa wieħed li jmur lil hinn mil-loġika tagħna l-bnedmin, proprju għaliex il-loġika tal-bniedem ma tistax tittraxxendi lilha nnifisha (biex tifhem x’inhu Alla) u fl-istess ħin tibqa’ loġika (jiġifieri tibqa’ taħseb bħala bniedem). Dan għaliex m’hemm xejn fl-esperjenza umana li tista’ tgħidilna xi jfisser “Alla” b’mod konkret u waħda mir-raġunijiet hija li l-lingwi li nesprimu ruħna bihom iservu biss għal dak li nistgħu nifhmu razzjonalment; mentri Alla jmur lil hinn minn hekk. 

 B’daqshekk ma jfissirx li Alla ma jeżistix, u għad li nsibu teoriji saħansitra xjentifiċi li jxaqilbu xi ftit lejn l-eżistenza ta’ Alla (u ħafna oħrajn li juru bil-maqlub), finalment, din tibqa’ kwistjoni ta’ fidi. 

Rigward il-fatt li qatt ma seħħew gwerer f’isem l-ateiżmu naħseb li dan ġej mill-fatt li biex toħloq gwerra l-ewwel u qabel kollox irid ikollok raġuni u ideoloġija f’saħħitha ferm, li fil-psikoloġija soċjali, dan huwa magħruf bħala motivated reasoning li jwassal għal confirmation bias, jiġifieri skuża tajba li permezz tagħha tkun tista’ toħloq konflitt. Infatti, huwa t-twemmin f’xi ħaġa f’saħħitha bħalm’ hi r-reliġjon (imma wkoll ngħidu aħna f’isem il-poter jew f’isem il-libertà, li huma stimoli qawwija ħafna) li tista’ tiġi stigata jew ġustifikata gwerra, proprju għaliex hemm għan ideoloġiku konkret. Għaldaqstant, peress li l-ateiżmu huwa essenzjalment passiv u allura ma jimponi xejn fuq ħadd, ikun xi ftit assurd li toħloq gwerra f’isem negazzjoni ideoloġika jew f’isem “xejn”. 

Fenomenu soċjali li ġej minn dal-fattur hu li l-maġġoranza tal-atei mad-dinja kollha huma essenzjalment paċifisti. Infatti, l-Indiċi Globali tal-Paċi tas-sena 2009 wera li l-aktar pajjiżi paċifisti huma dawk li għandhom perċentaġġ għoli ta’ popolazzjoni atea jew li ma jsegwu ebda reliġjon. Fil-ktieb tiegħu Living the Secular Life, is-soċjologu Prof. Phil Zuckerman wera proprju dan. Wieħed hawnhekk isaqsi għaliex. Probabbilment dan ġej mill-fatt li l-atei m’għandhom ebda reliġjon li permezz tagħha “Alla” tagħhom “jgħidilhom” biex imorru jimmassakraw nies ta’ reliġjonijiet oħrajn, hekk kif seħħ pereżempju fi żmien il-Kruċjati meta l-Kristjani kienu jmorru jiskarnaw bla ħniena lill-Misilmin, hekk kif qed iseħħ bil-maqlub fiż-żminijiet tal-lum.

More in Socjali