L-istrajk tal-HSBC jitkompla għada wkoll

S'issa, l-istrajk kien suċċess b'90% tal-ħaddiema jobdu d-direttiva tal-union.

L-azzjonijiet industrijali maħruġa mill-Malta Union of Bank Employees fl-HSBC se jkunu qed ikomplu matul il-ġurnata tat-Tlieta, b'nhar ta' Tnejn il-bank ikun magħluq xorta waħda minħabba li tkun ġurnata ta' vaganza wara l-Għid. Dan wara li jidher li m'hemm l-ebda sinjal ta' qbil bejn il-management u l-union matul tmiem il-ġimgħa.

Minħabba din l-azzjoni industrijali, kienu ħafna l-klijenti tal-bank li ma setgħux jaċċessaw il-faċilitajiet tal-bank tagħhom. Minkejja dan il-union qalet li l-azzjonijiet kienu sinjal ta' protesta mill-ħaddiema, li qed jiżdied bil-mod minħabba n-negozjati dwar il-ftehim kollettiv tagħhom.

Illum it-Tnejn, il-ħaddiema tal-HSBC mhux se jkunu qed jirrappuraw għax-xogħol wara li l-bank hedded li se jkun hemm lockout u li tiġi sospiża l-paga ta' dawk il-ħaddiema li jobdu d-direttivi tal-MUBE.

Il-President tal-MUBE, William Portelli qal li sa issa, l-azzjoni industrijali kienet waħda ta' suċċess, għaliex kienu madwar 90% tad-900 ħaddiem tal-HSBC li obdew id-direttiva tal-union.

"Dan qed jiġri minħabba li l-bank mar lura minn kelmtu dwar ftehim kollettiv li konna ffurmajna lura f'Awwissu tal-2014, wara li konna qattajna sena sħiħa sa minn Awwissu tas-sena ta' qabel niddiskutu. Imbagħad il-bank ġie jgħidilna li rriffjuta l-pakkett finanzjarju u minflok, offra lill-ħaddiema pakkett ferm iżgħar," kompla jgħid Portelli.

Sa mill-bidu tal-azzjonijiet industrijali li ordnat l-union matul il-ġimgħa li għaddiet, ma kien għad hemm "l-ebda proposta konkreta" min-naħa tal-bank, qal Portelli.

MUBE insistiet li HSBC għandha "tagħmel sforz akbar" sabiex tinnegozja b'mod ġust u tkun prattika mal-istaff kollu f'kull kariga.

L-union kompliet tgħid li ma kien hemm l-ebda sforz raġonevoli biex ikun hemm negozjar serju mill-management tal-bank, u minflok kien hemm biss żidiet minimi fil-pagi u bonus medjokri, li mhumiex aċċettabbli.

L-MUBE qed titlob rata ta' 0.85% fuq is-self tad-djar għall-ħaddiema, żieda fil-paga li hi akbar minn 1% tal-paga u tnaqqis fir-rata tal-homeowner loan maxi-credit għall-ħaddiema.

More in Socjali