Minn tfigħ ta’ qsari sa frejjeġ fil-pjazza

L-Għid madwar id-dinja . . .

Fi Franza jsajru l-frejjeġ fil-pjazez
Fi Franza jsajru l-frejjeġ fil-pjazez

L-Għid, kelma mill-Għarbi ‘Eid’- kelma li bl-Għarbi tfisser ċelebrazzjoni, u għalina l-Maltin tfisser figolli, bajd taċ-ċikkulata, ħaruf, u kull tip ta’ ikel ieħor biex ipatti għall-40 jum ta’ sagrifiċċju li (suppost) ġew qablu. Fid-dinja Kattolika, din il-festa tfisser il-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù Kristu, li skont it-Testment il-Ġdid seħħ tliet ijiem wara li ġie msallab mir-Rumani, c. 30 AD. 

L-Ewwel Kunsill ta’ Nicaea – kunsill magħmul minn isqfijiet Kristjani fis-sena 325 AD, l-ewwel forma ta’ kunsill ekunemiku ried, fost l-oħrajn, jistabbilixxi data uniformi għal meta jiġi ċċelebrat l-Għid. B’hekk kien ħareġ żewġ regoli: li d-data tal-Għid ma tibqax tiddependi mill-Kalendarju Lhudi, u li l-Għid jiġi ċċelebrat fl-istess data madwar id-dinja kollha. Ir-riżultat ta’ dan narawh illum il-ġurnata, hekk kif għall-ħabta ta’ Frar tibda’ tinbet il-mistoqsija fuq fomm kulħadd ‘meta ġej l-Għid din is-sena ?’ li għaliha dejjem iwieġeb dak li l-popolin jaraw bħala għaref, u jgħid li din is-sena ‘ġej kmieni’ jew inkella ‘ġej tard.’ (Forsi llum il-ġurnata jkun fittex fuq l-internet ukoll.) Allura min jiddeċiedi meta ġej l-Għid ? U kif ?

Skont il-Bibbja, il-mewt u l-qawmien mill-mewt ta’ Ġesù seħħet fi żmien l-Ikla Lhudija, li tiġi kienet tiġi ċċelebrata nhar l-ewwel qamar kwinta wara l-vernal equinox  - kelma kkumplikata li għal meta il-lejl u n-nhar ikunu tal-istess tul – jum li jaħbat bejn l-20 u t-22 ta’ Marzu – għalkemm id-data uffiċjali għaliha hija tal-21 ta’ Marzu.  B’hekk l-Għid sar jiġi ċċelebrat nhar l-ewwel Ħadd wara dan l-avveniment. Iżda minkejja kollox, l-Għid xorta ma jiġix iċċelebrat fl-istess data madwar id-dinja. Dan għaliex il-Kristjaneżmu tal-Punent u l-Kristjaneżmu tal-Lvant għandhom dati differenti għall-Għid. 

Il-Papa Franġisku waqt il-benedizzjoni tal-Urbi et Orbi
Il-Papa Franġisku waqt il-benedizzjoni tal-Urbi et Orbi

Ir-raġuni bażika għaliex l-Għid jiġi ċċelebrat f’dati differenti hija li l-Kristjaneżmu tal-Punent, jiġifieri l-Knisja Kattolika u Protestanta juża l-Kalendarju Gregorjan – kalendarju maħluq mill-Papa Gregorju, minflok ma juża dak aktar antik – il-Kalendarju Ġiljan – li l-ewwel li ntuża kien mill-Imperatur Ruman Ġiljan. Minkejja xi sforzi li saru sabiex iż-żewġ dati jsiru waħda uniformi – jidher li s’issa dan mhux ħa jsir. 

Irrelevanti minn liema data hu ċċelebrat, l-Għid iġib miegħu tradizzjonijiet tal-ikel u le madwar id-dinja kollha, anke fost dawk mhux Kristjani – donnu kulħadd isibha bi tqila jiċaħħad minn xi biċċa ċikkulata. It-tip ta’ ċelebrazzjonijiet ivarjaw minn pajjiż għall-ieħor, minn reliġjon għall-oħra. 

Tradizzjoni mferrxa ma’ bosta pajjiżi hija dik li nhar ta’ Sibt il-Għid il-familja tinġabar tiddekora l-bajd tal-Għid, li imbagħad jinħbew mad-dar kollha biex it-tfal jqattgħu il-Ħadd filgħodu jduru u jfittxuhom. Ħafna mill-familji madwar id-dinja josservaw ukoll l-aspett reliġjuż tal-Għid billi jmorru l-quddiesa tal-Ħadd imbagħad jipparteċipaw f’xi festini waranofsinhar. Iżda ma jonqosx ukoll tradizzjonijiet assoċjati ma’ pajjiżi partikolari.

Fil-Bermuda, t-tradizzjoni marbuta mal-Għid hija li tittajjar tajra nhar il-Ġimgħa l-Kbira. Jingħad li din bdiet meta għalliem ipprova jfiehem lit-tfal kif sar it-tlugħ fis-sema ta’ Ġesù Kristu. It-tajr tradizzjonali magħmul mill-karti tat-tajr ikkulurit, injam, metall, ħbula u biċċiet twal ta’ drapp. 

Fin-Norveġja imbagħad għandhom tradizzjoni hekk imsejħa Paaskekrim – jiġifieri ‘Reati tal-Għid’. Din it-tradizzjoni m’għandha xejn x’taqsam ma’ xi qtil fuq xi bajda tal-Għid, imma tikkonsisti mill-użanza li bosta jaqraw kotba ta’ misteru, jew inkella jaraw xi programm televiżiv tad-detectives. Mhux ċar kif bdiet eżattament din it-tradizzjoni, imma bosta jemmnu li bdiet fl-1923, meta fl-ewwel paġna ta’ ħafna gazzetti bdew jintefgħu riklami ta’ kotba ta’ misteru li kienu jidhru qishom xi storja vera – b’tali mod li ħafna mill-qarrejja ma ndunawx li din kienet biss forma ta’ pubbliċità. Jidher imma li ħadmet, hekk kif din l-użanza bdiet tinfirex – tant li maż-żmien wasslet biex il-pubblikaturi joħorġu kotba simili fi żmien l-Għid apposta, żmien li fih il-bejgħ tagħhom jiżdied b’50%. 

F’Korfù jitfgħu l-qsari għal isfel
F’Korfù jitfgħu l-qsari għal isfel

Nhar Sibt il-Għid jaqbillek ma tkunx għaddej minn taħt xi tieqa f’Korfù, hekk kif jaf tispiċċa b’xi daqqa ta’ qasrija fuq rasek. Tradizzjonalment, f’Korfù, in-nies tal-post jitfaw qsari, u kull tip ta’ fajjenza ‘l barra mit-tieqa – tradizzjoni li xi wħud jgħidu ġejja mill-Venezjani li kienu jitfgħu l-affarijiet antiki tagħhom ‘l barra mit-tieqa fl-Ewwel Jum tas-Sena l-Ġdida. Oħrajn jgħidu li din it-tradizzjoni tissimbolizza r-rebbiegħa – simbolu tal-pjanti l-ġodda li ħa jinżergħu fil-qsari l-ġodda. 

Għal aktar minn 130 sena, il-White House l-għada tal-Għid issir l-hekk magħrufa ‘egg roll’ fejn it-tfal li jkunu qed jipparteċipaw jimbuttaw bajda fuq il-ħaxix permezz ta’ imgħarfa bil-manku twil. Il-bqija taċ-ċelebrazzjonijiet jinbidlu minn sena għal sena, fejn din is-sena intagħżlet it-tema #GimmeFive – fejn huma mistennija jattendu 35,000 persuna f’attivitajiet li jinkludu żoni għal sports, tisjir, mużika live kif ukoll qari ta’ stejjer lit-tfal. L-egg rolling hija tradizzjoni wkoll fir-Renju Unit, aktar magħrufa bħala pace-egging – fejn tradizzjonalment il-bajd jiġi imgeżwer fil-ġilda tal-basla u mgħollija sakemm ikollhom kulur dehbi. Illum il-ġurnata normalment jinżebgħu għall-istess effett. Interessanti kif fil-mużew tal-poeta Wordsworth f’Grasmere, hemm kollezzjoni ta’ bajd imżejjen li dan il-poeta kien għamel biex jagħti lit-tfal. 

Fl-Ewropa tal-Lvant jitfgħulek xi barmil ilma!
Fl-Ewropa tal-Lvant jitfgħulek xi barmil ilma!

It-tfajliet fl-Ungerija ġiethom tajba hekk kif tradizzjoni li fiha kienu jintefgħu bramel sħaħ ta’ ilma fuq t-tfajliet, issa saret tradizzjoni fejn fiha l-ġuvintur issa jfexfxu l-fwieħa fuq it-tfajliet. Wara dan jistaqsu għal bewsa. Tradizzjonalment in-nies kienu jemmnu li l-ilma kien inaddaf, jikkura u kien iżid il-fertilità. Jidher li hemm tradizzjoni simili wkoll fil-Polonja – tradizzjoni msejħa Smingus-Dyngus fejn is-subien u l-ġuvintur jitfgħu bramel tal-ilma, jew ixarbu permezz ta’ pistoli tal-ilma lil kollox u lil kulħadd. Il-leġġendi jsostnu li tfajliet li jsiru għasra jkunu ħa jiżżewġu f’sena. L-oriġini ta’ din it-tradizzjoni tingħata lill-magħmudija tal-Prinċep Pollakk Mieszko, l-għad tal-Għid tas-sena 966 AD. 

Jekk b’xi mod tinzerta f’Haux fi Franza, l-għada tal-Għid lesti ruħek għal biċċa froġa – hekk kif tiġi servuta froġa enormi fil-pjazza prinċipali ta’ dan ir-raħal. Din il-froġa tuża aktar minn 4,500 bajda u titma aktar minn 1,000 persuna. Il-leġġenda tgħid li meta Napuljun u l-armata tiegħu kienu qed jivvjaġġaw min-nofsinhar ta’ Franza, waqfu f’dan ir-raħal żgħir u kielu froġa. Napuljun jingħad li tant għoġbitu li ordna lir-raħħala biex l-għada, jagħmlu froga enormi għall-armata tiegħu bil-bajd kollha li kien hemm fir-raħal. 

Tradizzjoni mfittxija, anke fostna l-Maltin hija l-Urbi et Orbi tal-Papa – fejn il-Papa jagħti t-tberik tiegħu, kif ukoll ix-xewqat għal Għid tajjeb b’bosta lingwi – inkluż bil-Malti. Din hija biss waħda mit-tradizzjonijiet mifruxa mad-dinja Kattolika – liema tradizzjonijiet żgur li m’għandhomx bżonn ta’ introduzzjoni. Il-quċċata tal-Ġimgħa l-Kbira jintleħaq illum, Ħadd il-Għid fejn mhux biss jittieklu tunnellati ta’ ċikkulata madwar id-dinja kollha, imma wkoll isservi ta’ okkażjoni sabiex il-familji, kemm jekk minħabba raġunijiet reliġjużi, u kemm le, jinġabru biex iqattgħu l-ġurnata flimkien. L-Għid it-Tajjeb !

More in Socjali