"Mir-razzett sal-platt - ikel sigur" - il-Jum Dinji għas-Saħħa 2015

Ikel mhux sigur jaf jikkawża aktar minn 200 tip ta' marda differenti
 

"Mir-razzett sal-platt - ikel sigur" - huwa dan l-islogan magħżul din is-sena mill-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa (WHO) għal Jum Dinji għas-Saħħa, li jiġi ċċelebrat propju llum 7 ta' April. Din is-sena t-tema li għażlet id-WHO kienet propjament is-sigurtà fl-ikel - li naraw li dak li nieklu huwa ta' kwalità tajba.

"Il-produzzjoni tal-ikel illum tant ġiet industrijalizzata u l-kummerċ u d-distribuzzjoni tagħha ġiet iglobalizzata, li dawn kollha jagħtu lok biex l-ikel jiġi kkontaminat minn batterji perikolużi, viruses, parassiti jew kimiċi" qalet id-direttriċi ta' WHO Dr. Margaret Chan. "Dik li qabel kienet problema lokali ta' sigurtà fl-ikel, malajr tista' ssir emerġenza internazzjonali. Li tinvestiga marda kkawżata mill-ikel issa hija aktar ikkumplikata meta għandek platt wieħed li magħmul minn igredjenti minn pajjiżi differenti." Huwa stmat li dan l-ikel ta' kwalità ħażina jikkawża aktar minn 200 marda - saħansitra jista' jwassal għall-kanċer. Eżempji ta' dan it-tip ta' ikel huwa ikel mhux misjur tajjeb li ġej minn annimali, frott, ħaxix ikkontaminat minn ħmieġ tal-annimali, u ħut tal-qoxra li jkun fih biotossini marini.

Il-ġimgħa l-oħra, WHO ħarġet riżultati ta' analiżi li qed tagħmel dwar dawn it-tip ta' mard. Aktar tard din is-sena beħsiebhom jinħarġu l-bqija tar-riżultati li qiegħed isir mill-Grupp ta' WHO li jieħu ħsieb studji relatati mal-ikel u konsegwenzi tiegħu - FERG. Figuri inizjali, mill-2010, ta' dan l-istudju juru li

  • huwa stmat li kien hemm 582 miljun każ minn 22 marda marbuta mal-ikel - u 351,000 persuna li tilfu ħajjithom b'imwiet relatati
  • L-aktar li wasslu għall-imwiet kienu Salmonella Typhi (52 000 deaths),  E. coli enteropatoġenika (37 000) u norovirus (35 000)
  • L-iżjed li kien hemm mard minħabba dan it-tip ta' ikel kien fir-regjun Afrikan, segwit mix-Xlokk tal-Ażja
  • Aktar minn 40% ta' persuni li soffrew mard minħabba ikel ħażin kienu tfal taħt il-5 snin

Min-naħa tagħha, WHO ħarġet ukoll xi rikomandazzjonijiet, fosthom li jinżamm ambjent ta' tisjir u ikel nadif, li l-ikel jinżamm f'temperaturi xierqa għat-tip ta' ikel li huwa, li l-ikel nej u l-ikel misjur jiġu separati, li l-ikel jiġi msajjar sew u li l-ilma użat għat-tisjir ikun wieħed sigur ukoll. 

More in Socjali