L-Akbar żieda fil-bejgħ mill-ħwienet fl-aħħar ħames snin

Statistika maħruġa mill-Eurostat turi żieda ta' 5.2% fil-bejgħ fuq Frar tas-sena ta' qabel

Fi Frar 2015, il-ħwienet f’pajjiżna raw żieda qawwija fil-bejgħ tagħhom. Statistika maħruġa mill-Eurostat turi li, meta mqabbel mal-istess xahar fl-2014, fi Frar li għadda kien hemm żieda netta fil-bejgħ ta’ 5.2%. Malta kellha t-tieni l-ogħla tkabbir madwar il-pajjiżi Ewropej, tant li t-tkabbir f’Malta kien kważi d-doppju tal-medja taż-żieda fiż-żona ewro.

Iż-żieda osservata fi Frar għal Malta kienet l-ogħla waħda mill-2010 ’l hawn. Frar kien ir-raba xahar konsekuttiv li fih il-Eurostat irrappurtat żieda fil-bejgħ tal-ħwienet Maltin u Għawdxin. Iż-żieda osservata fi Frar kienet it-tielet l-ogħla rreġistrata għal dan ix-xahar fl-aħħar għaxar snin.

L-istatistika fuq bejgħ maħruġa mill-Eurostat hija konsistenti mar-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni Ewropea fost in-negozji u konsumaturi li juri li, għal ħafna xhur, il-konsumaturi Maltin huma ottimisti, u qed jonfqu ħafna aktar mis-soltu minħabba li l-kundizzjoni finanzjarja tagħhom qed titjieb. L-istħarriġ qed juri wkoll li l-operaturi tal-ħwienet qed iżidu fil-kunfidenza tagħhom u qed ibassru aktar bejgħ. Dan qed iwassal biex analisti barranin jirrevedu ‘l fuq it-tbassir tagħhom fuq it-tkabbir ekonomiku ta’ pajjiżna.

Iż-żieda fil-bejgħ tal-ħwienet hija riflessjoni oħra tas-suċċess tal-politika ekonomika ta’ din l-amministrazzjoni. Bit-tnaqqis tal-piżijiet fuq l-industrija u bil-ġlieda kontra l-inflazzjoni, inħoloq ambjent li fih it-tkabbir fl-impjiegi u l-investiment laħaq livelli rekord. Il-familji tagħna issa qegħdin f’pożizzjoni li jonfqu aktar u dan qed iwassal għal tkabbir fl-attività tal-ħwienet.

 

 

More in Socjali