€5m fondi Ewropej fi proġetti fi 13-il Kunsill Lokali Għawdxi

Tlettax-il Kunsill Lokali f'Għawdex qed jimplimenta proġetti b'fondi Ewropej

Bħalissa għaddejjin 35 proġett b’valur ta’ madwar €5 miljuni, li qed jiġu implimentati mill-Kunsilli Lokali ġewwa 13-il lokalità differenti f’Għawdex. Dawn kollha qed ikunu ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u kollha jridu jitlestew matul din is-sena. L-interventi huma maħsuba sabiex itejjbu l-infrastruttura fl-irħula u bliet Maltin u Għawdxin, ħafna minnhom bil-għan li jitjieb il-prodott turistiku tagħhom, waqt li jgħollu livell ta’ għixien għar-residenti.

Dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Presidenza Ewropea 2017 u Fondi Ewropej Ian Borg meta llum żar proġett finanzjat mill-Fondi Ewropej ġewwa l-Qala. Dan il-proġett qed ikun ffinanzjat permezz tal-Miżura 313 ( taħt il-FAEŻR) b’valur ta’ €197,638. Il-Kunsill Lokali tal-Qala qed jibbenefika minn din il-miżura li t-tema tagħha kien ‘'Inkoraġġiment ta' Attivitajiet Turistiċi'.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Fondi Ewropej saħaq li l-għan aħħari tal-proġett kien li tinħoloq Heritage Trail mad-dawra tal-Qala, li tinkludi fiha installazzjoni ta’ tabelli ta’ informazzjoni, biex itejjeb sostanzjalment il-kwalità ta’ ħajja fl-inħawi rurali u l-kwalità tal-ħajja tan-nies tal-Qala. Fil-fatt, il-Kunsill Lokali tal-Qala qed jinvesti ukoll f’Park ta’ Rikreazzjoni u Mużew tal-Folklore. Dr. Borg kompla jispjega kif l-interventi taħt din il-Miżura qed jiġu kkumplimentati minn attivitajiet oħra li huma marbuta mal-Miżura 323. Hemm inkluż ukoll restawrar ta’ ħitan tas-sejjieħ, u dan se jwassal biex ikompli jtejjeb u jsebbaħ l-identità unika rurali u kulturali tal-Qala.

Is-Segretarju Parlamentari tenna jgħid li bħalissa Malta tinsab f’fażijiet avvanzati sabiex jiġu konklużi l-Programmi Operattivi tal-FAEŻR. Hekk kif in-negozjar ta’ dawn il-Programmi jiġi konkluż, eventwalment jibdew joħorġu l-ewwel sejħiet.

Preżenti kien hemm ukoll is-Sindku tal-Qala, il-Perit Clint Camilleri flimkien mall-kunsilliera. Hu qal li, issa li dawn il-proġetti qed jiġu fi tmiemhom, il-Kunsill Lokali tal-Qala se jibda jintroduċi attivitajiet rurali u kulturali biex b’hekk jistimola s-suq turistiku fil-Qala.

More in Socjali