Il-kelliema tal-kampanja Shout esprimew li din il-kampanja elettorali li twassal għar-referendum ta’ nhar is-Sibt 11 ta’ April, kienet waħda pożittiva, waqt li kienet prova għall-pubbliku Malti u Għawdxi.
Dan intqal f’laqgħa, quddiem il-Parlament il-ġdid fil-Belt Valletta fejn il-kelliema qalu li din kienet kampanja pożittiva propju għax twassal għal bidla. Hemmhekk, il-kelliem ta’ Shout Mark Sultana semma għalfejn hija kampanja pożittiva, “Huwa pożittiv meta ngħidu li rridu nħarsu l-kampanja. Huwa pożittiv meta ninsistu li rridu nsalva l-għasafar li jbejtu f’pajjiżna. Huwa pożittiv li rridu nipproteġu l-għasafar li jpassu minn Malta biex imorru jbejtu. Huwa pożittiv li temmen li Malta tkun post aħjar mingħajr qtil ta’ għasafar.”
Semma wkoll li f’każ ta’ rebħa għal-LE, se jifirħu għax komplew isebbħu l-Malta, bl-għasafar u l-kampanja jkunu apprezzati aktar. “Ħa jifraħ il-poplu Malti għax ikun wettaq bidla biex pajjiżna jsir aħjar.”
Min-naħa tagħha, l-kelliema għax-Shout, Moira Delia kompliet ittenni l-punt li tal-LE huwa moviment pożittiv għax ma jemmnux li għandhom jinqatlu l-għasafar għall-gost u gandu jgawdihom ħajjin kulħadd. “Aħna pożittivi mhux negattivi, għax aħna ma niġġustifikawx il-ħażin li nagħmlu bl-iskuża tat-tradizzjoni.”
Finalment, il-kelliem Saviour Balzan semma kif din il-kampanja ġabet flimkien nies ta’ fehmiet differenti u minn stili ta’ ħajja differenti. “Ġabitna flimkien għax inħaddnu l-istess ħolma, u għax nafu li qegħdin fuq in-naħa tas-sewwa.”
“Il-bidla ħa ssir. Irridu nemmnu li l-bidla ħa ssir. Nies komuni, familji, ambjentalisti, Laburisti, Nazzjonalisti, nies mill-kamp tal-Ħodor, għaqdiet, ilkoll ingħaqdu flimkien biex dan iseħħ.”
Fakkar kif din il-bidla qed isseħħ bis-saħħa ta’ 43,000 persuna li ffirmaw petizzjoni biex iseħħ dan ir-referendum. “Ir-referendum huwa dritt demokratiku li qed neżerċitaw.”
Temm billi qal li din l-biżà li qed isseħħ li jridu jinqerdu l-passatempi oħrajn huma biss gideb.
“Fl-aħħar ir-rebbiegħa f’Malta u Għawdex ħa tkun staġun li jġib ferħ mhux dwejjaq. Fl-aħħar ir-rebbiegħa ħa tkun tfisser gżira sabiħa, mhux post fejn l-għasafar jitwaqqgħu mejtin fl-art mit-tiri tas-snieter.”
Video is unavailable at this time.