L-Isqof t’Għawdex ma jkunx infurmat bil-wasla tal-Isqfijiet Maltin mill-Kenja

“Sirt naf, purtroppo mill-Media” – Mario Grech

Patri Martin Micallef - Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini Maltin
Patri Martin Micallef - Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini Maltin

L-Isqfijiet Maltin Paul Darmanin u Joe Alessandro, li t-tnejn jaħdmu fil-Kenja, il-post fejn ftit tal-jiem ilu ġew maqtula u feruti mijiet ta’ nies f’Garissa, jinsabu Malta għal ftit jiem qabel ma huma se jmorru Ruma biex jiltaqgħu mal-Papa Franġisku. Fil-Fatt, l-Isqof Joe Alessandro ilbieraħ kien il-mistieden tal-programm Dissett li xxandar fuq TVM bi preżentazzjoni ta’ Reno Bugeja.

Jidher iżda li mhux kulħadd kien infurmat bil-wasla tal-Isqfijiet Darmanin u Alessandro f’Malta u fost dawn kien hemm l-Isqof t’Għawdex Mario Grech li minn naħa tiegħu bagħat ittra lill-Provinċjal tal-Partijiet Franġiskani.

Intant, l-istess Isqfijiet Darmanin u Alessandro dalgħodu huma mistennija li jkollhom laqgħa mal-Arċisqof Charles J Scicluna u li għal din il-laqgħa ġiet mistiedna l-midja.

 

L-ittra tal-Isqof Grech tinsab hawn taħt:

Il-W.R. Patri Martin Micallef ofmcap

Provinċjal tal-Patrijiet Franġiskani Kapuċċini Maltin

 

9 ta’ April 2015

Għażiż Provinċjal,

Illejla sirt naf, purtroppo mill-Media, li waslu f’pajjiżna l-Isqof Paul Darmanin u l-Isqof Joe Alessandro.  Meta dan l-aħħar segwejna l-inċidenti vjolenti li ferew gravament il-komunità ekkleżjali tagħhom, aħna ħassejna rwieħna viċin ħafna tagħhom.  Jekk jogħġbok, nitolbok twasslilhom it-tislijiet fraterni tiegħi personali u tal-Knisja f’Għawdex.  Kif jista’ jikkonferma l-Isqof Darmanin, ir-rabtiet bejn il-komunità Nisranija f’Għawdex u dik ta’ Garissa jmorru lura fis-snin.  Fi spirtu ta’ solidarjetà magħhom u mal-Knisja fdata fil-kura pastorali tagħhom, aħna nwegħduhom li nitolbu magħhom għall-paċi f’pajjiżhom.  Inħoss li għandi nirringrazzjahom għax-xhieda tagħhom.

Mario Grech

Isqof ta’ Għawdex

 

More in Socjali