Malta għandha rata inqas ta' ħaddiema ta' bejn il-55 u 64 sena meta mqabbla ma pajjiżi oħra, speċjalment fost in-nisa. Dan qalitu s-Segretarju Parlamentari Justyne Caruana waqt l-intervent tagħha f'Seminar tal-Forum Nazzjonali tat-Trade Unions dwar l-Anzjanità Attiva organizzat mill-President. Fl-intervent tagħha, Caruana enfasizzat l-anzjanità tal-popolazzjoni f’Malta ha twassal għal diversi sfidi - speċjalment fis-settur tax-xogħol. Ir-rata totali ta’ ħaddiema ta’ età akbar f’Malta żdiedet biss bi 3% bejn l-2002 u l-2012, mqabbla mal-medja ta’ 11% fost il-membri tal-Unjoni Ewropea.
Caruana spjegat wkoll li parteċipazzjoni aktar attiva ta’ ħaddiema ta’ età ikbar tgħin għat-tkabbir ekonomiku, suffiċċjenza tal-pensjonijiet, u tgħin biex ikun hemm ġestjoni aħjar tal-piż tal-ħarsien soċjali. Din il-parteċipazzjoni twassal ukoll għall-gwadann personali fosthom qagħda aħjar finanzjarja, ħajja soċjali iktar attiva, u aktar għajnuna biex il-persuna tibqa’ aktar attiva mentalment u fiżikament.
Il-Politika Strateġika Nazzjonali għal Anzjanità Attiva għal Malta, mwaqqfa minn dan il-Gvern, tinkoraġġixxi lil persuni ta’ età akbar biex jibqgħu fis-suq tax-xogħol bħala parti mill-aġenda tal-Unjoni Ewropea dwar ‘l-anzjanità attiva’. Caruana qalet li waħda mill-prioritajiet hija kundizzjonijiet tax-xogħol aħjar għal-ħaddiema akbar fl-età u ir-rikonċiljazzjoni bejn ix-xogħol u l-ħtieġijiet relatati mal-kura. Flimkien ma' dan hemm il-ħtieġa ta’ servizzi ta’ impjieg għall-ħaddiema ta’ età akbar, u għalhekk hemm bżonn ta’ gwida vokazzjonali aħjar biex jiżdiedu n-numru u l-perċentwal ta’ persuni ta’ età akbar fis-suq tax-xogħol.