Il-vittmi ġenwini tad-droga jistħoqqilhom l-għajnuna

Illum tidħol fis-seħħ il-liġi dwar id-dipendenza fuq id-droga (trattament mhux priġunerija)

Il-vittmi ġenwini tad-droga ma jistħoqqilhom xejn għajr għajnuna sabiex joħorġu minn dan il-vizzju kiefer. Sabiex isir dan, illum se tkun qed tidħol fis-seħħ il-liġi dwar id-dipendenza fuq id-droga li tippromwovi t-trattament għall-vizzju u mhux priġunerija.

Kien għalhekk li l-gvern għażel li jerfa’ r-responsabbiltajiet tiegħu billi fil-bidu ta’ din il-leġislatura fetaħ proċess wiesa’ ta’ konsultazzjoni u permezz tagħha semgħa l-veduti tal-ikbar firxa wiesgħa ta’ nies – minn vittmi preżenti sa persuni li ħarġu mill-vizzju, u minn ġudikanti u avukati sa social workers, entitajiet importanti, żgħażagħ u l-pubbliku ġenerali.

Minn dan il-proċess ta’ konsultazzjoni rriżulta li minkejja s-suġġerimenti differenti, is-sentiment ġenerali kien li hemm bżonn riforma urġenti biex il-vittmi tad-drogi jingħataw iktar għajnuna, u mhux jintefgħu f’iktar problemi. 

Fl-istess waqt kienet tinħass il-ħtieġa li tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar.

Il-fehmiet differenti li ddaħħlu ġew ikkunsidrati u analizzati mill-Gvern u fuqhom tfassal abbozz ta’ liġi li wara li għadda b'mod unanimu fil-Parlament, se jidħol fis-seħħ illum il-15 ta’ April.

Il-vittmi li qed jitfarrku bil-vizzju tad-droga se jkunu qed jingħataw l-għajnuna biex iqumu fuq saqajhom. L-id tal-azzar ser tinżamm u tissaħħaħfejn jidħlu l-barunijiet puri tad-droga. 

F’din ir-riforma ngħata l-poter tad-deċiżjonijiet lil min jifhem ir-realtajiet soċjali. Il-Kummissarju tal-Ġustizzja li se tkun qed tisma’ każijiet żgħar hi mara ta’ awtorità fil-kura u r-rijabilitazzjoni tad-droga.  Is-soltu jinħatru avukati, anke jekk neċessarjament ma jkunux jifhmu fis-settur.  

Din id-darba ġiet maħtura s-social worker Vicky Scicluna biex tenfasizza mija fil-mija l-kura u r-rijabilitazzjoni.

Anke l-bord li se jagħti pariri lill-vittmi tad-droga u lill-Qrati se jkun magħmul minn professjonisti fil-ħidma soċjali. 

Biex imexxi, ingħatat il-fiduċja f’idejn imħallef ta’ rispett u awtorità fid-drittijiet tal-bniedem, l-Imħallef Giovanni Bonello.

Intant il-pass li jmiss huwa li tkompli l-ħidma kontra t-traffikanti puri tad-droga bit-twaqqif, mal-privat  ta’ Asset Recovery Bureau effettiv u effikaċi ħalli min jistagħna mill-flus maħmuġa tad-droga jrodd lura dak li jkun seraq.

 

More in Socjali