Malta tappoġġja lill-UE għall-impjiegi għall-ħarsien tal-biodiversità

Il-Ministru Leo Brincat f'Riga għal laqgħa għall-Ministri tal-Ambjent

Malta tappoġġja l-inizjattivi tal-UE għall-proposti li jrażżnu t-telf tal-biodiversità permezz tal-ħolqien ta’ opportunitajiet ekonomiċi u impjiegi ġodda bil-ħidma magħquda bejn il-Bank tal-Investiment Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea għan-Natural Capital Financing Facility u għejun finanzjarji oħra. Dan bil-fiduċja li l-proposti tal-UE jkunu innovattivi u kreattivi waqt li jirriflettu b’mod effettiv ir-rabta bejn l-ekonomija u l-biodiversità.

Dan sostnih il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima, Leo Brincat, f’Riga, il-Latvja, fejn kien qed jindirizza laqgħa tal-kapijiet ta’ delegazzjonijiet bħala parti mil-laqgħa informali tal-ministri tal-ambjent.

Il-Ministru Brincat qal li l-miri tal-UE nnifisha dwar il-biodiversità għall-2020 jidher li jistgħu ma jintlaħqux u għalhekk huwa meħtieġ ferm li l-kapital naturali jkun inkluż fi ħdan il-politika settorjali tal-gvernijiet li jridu wkoll jindirizzaw dan in-nuqqas. Huwa sostna li l-istati membri għandhom jimxu fuq l-eżempju ta’ inizjatttivi u prattiċi li kienu suċċess kontra t-telf tal-biodiversità u t-tnawwir tal-eko-sistema. Dawn il-konsiderazzjonijiet għandhom ikunu integrati fil-politika settorjali u reġjonali bħall-enerġija, it-turiżmu, it-trasport u l-industrija fost l-oħrajn.

Il-Ministru Malti aċċenna għall-fatt li l-kapital naturali tagħna jista’ jitjieb permezz ta’ tkabbir sostenibbli u inklussiv li jħares lejn ekonomija aktar effiċjenti f’dawk li huma riżorsi, b’aktar reżistenza għall-klima u inqas dipendenza fuq il-karbonju, riċerka u innovazzjoni proattiva u ħiliet, impjiegi u opportunitajiet kummerċjali ġodda.

Brincat qal li s-sinjali ta’ twissija kollha qegħdin hemm, kif joħroġ ċar mir-rapport dwar l-Ambjent tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u r-rapport tal-Kummissjoni Ewropea li dalwaqt joħroġ dwar in-natura. Huwa wera t-tama li sakemm fil-ħarifa ssir ir-reviżjoni tal-istrateġija tal-UE dwar il-biodiversità jkunu ttieħdu l-passi meħtieġa biex ikunu jistgħu jintlaħqu l-għanijiet għall-ħames snin li ġejjin.

Huwa sostna wkoll li għandu jikber l-għarfien tal-pubbliku dwar il-valur tal-biodiversità, il-fatturi li qegħdin iwasslu għat-telf fil-biodiversità u l-ħtieġa li din tkun konservata.

F’Riga, il-Ministru Brincat ħa sehem ukoll fis-sessjoni ministerjali dwar l-ambjent u l-enerġija bit-tema tal-ħarsien tal-biodiversità u l-użu ta’ enerġija rinovabbli. Kemm dam hemm huwa kellu diversi laqgħat bilaterali ma’ kummmissarji Ewropej u ministri oħra għall-ambjent.

More in Socjali