Il-Pulizijia mistennija tressaq il-Qorti kaċċatur wara li aktar kmieni dalgħodu, spara fuq tajra protetta fil-Manikata.
Dwar dan, l-Uffiċju tal-Prim Ministru ħareġ stqarrija li tgħid li l-pulizija u uffiċjali oħra tal-infurzar niżlu fil-post immedjatament u sabu wkoll l-għasfur imsemmi wara rapport tal-Birdlife. "Dan hu sinjal li l-infurzar qed jaħdem b’mod effettiv u immedjat."
Waqt li ntqal dan, ġie mfakkar ukoll il-kumment tal-Prim Ministru aktar kmieni din il-ġimgħa, li kull min jinqabad jikser il-liġi mhu se jsib l-ebda ħajt ta’ kenn u se jkollu jaffaċċja fost l-aktar pieni ħorox fl-Ewropa għal dan l-att kriminali.
"It-twissija mill-Gvern hija ċara: Jekk ikun hemm illegalitajiet flagranti, l-istaġun tal-kaċċa jitwaqqaf," temmet tgħid listqarrija.
Fi stqarrija tal-BirdLife, dawn qalu li voluntiera mill-BirdLife Malta rrekordjaw l-iżvolġiment wara li instema tir u raw it-tajra nieżla. "Wara li nstema tir ieħor fejn it-tajra intlemħet nieżla, kaċċatur kien osservat iffitex l-inħawi u jaħbi t-tajra."
"Il-puluzija ġew mgħajta fuq il-post u ftit tal-ħin wara għamlu tfittxija fejn ġiet misjuba d-Daqquqa moħbija taħt arbuxell. It-tajra ġiet ikkonfiskata, waqt li filmati li juru din l-evidenza ġiet mgħoddija lill-puluzija biex tgħin fl-investigazzjoni."
It-tajra maqtula kienet 'Daqquqa Kaħla' jew 'Cuckoo' li hija tip ta' tajra protetta.
Għalkemm l-istaġun tal-kaċċa huwa mftuħ, dan huwa permess biss fuq żewġ tipi ta' għasafar: il-gamiema u s-summiena.
Min-naħa tagħhom l-għaqda Kaċċatur San Ubertu kkundannaw dan l-aġir waqt li esprimew li għandhom jiġu mogħija l-penali xierqa. Dan waqt li appellaw lill-membri tagħhom biex jgħinu fl-infurzar tal-liġi, waqt li huma bħala għaqda mhux se jittolleraw l-ebda abbuż.
Dwar dan, qamet kontroversja fuq il-mezzi soċjali fejn diversi nies qed jisħqu li għandu jingħalaq l-istaġun bi stampi u hashtags '#closetheseason' u '#josephżommkelmtek' iduru mal-mezzi soċjali kollha.
Il-FKNK fi stqarrija, min-naħa tagħha qalet li f'każ li din il-persuna responsabbli mill-qtil ta' din it-tajra, hija membru tal-għaqda, se tkun qed "ser tiġi sospiża mmedjatament s-sħubija tiegħu ma l-FKNK pendent l-eżitu ta’ kwalunkwe proċeduri kriminali li jittieħdu fil-konfront tiegħu." L-istqarrija kompliet tgħid li din hi l-politika tal-għaqda f'każi simili.
Waqt li appellat biex jiġi rrappurtat kull abbuż fuq 119, saħqet kif "Wara, l-kampanja pożittiva li ntlaqgħat mill-poplu Malti u Għawdxi sabiex tinżamm din id-deroga, l-FKNK m’hi ser tħalli lil ħadd, li bl-egoiżmu tiegħu, jkisser din is-sitwazzjoni."