Wesgħa quddiem Bieb is-Sultan, bieb storiku li kien inbena għad-difiża tat-Tlett Ibliet mill-Kavallieri, issa għandha dehra ġdida b’aktar siġar u pjanti.
Ix-xogħol li sar mill-ħaddiema tal-Environmental Landscape Consortium fix-xhur li għaddew, ammonta għal €120,000.
Il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura Joe Mizzi, meta nawgura dan il-proġett qal li dan it-tisbieħ mhux biss se jsebbaħ din iż-żona, imma se jkompli jagħti valur miżjud lil dan il-Bieb storiku, biex ikunu jistgħu jgawduh ir-residenti tal-inħawi u t-turisti.
Din il-wesgħa se tkompli żżid mal-kullana ta’ proġetti ta’ tisbieħ li saru dan l-aħħar f’dawn l-inħawi, fosthom it-tlestija tal-proġett tal-Baċir Numru Wieħed f’Bormla kif ukoll il-proġett ta’ Couvre de Portes fil-Birgu.
F’din il-wesgħa, tħawlu siġar ġodda flok siġar oħra li ma kienux ta’ preġju. L-ammont ta’ siġar imħawla trippla meta mqabbel ma’ dawk li kien hemm qabel. Barra minn hekk, tpoġġa t-turf li jagħti dehra iktar friska l-iktar fix-xhur tas-Sajf, tħaffret ġiebja li tilqa’ l-ilma tax-xita tat-triq biex l-ilma li jinġabar ikun jista’ jintuża għat-tisqija tas-siġar u l-pjanti u tpoġġiet sistema tal-irrigazzjoni biex is-siġar u l-pjanti flimkien mat-turf jissaqqew b’mod awtomatiku. Inbniet ukoll funtana u saret sistema ta’ dwal li jixgħelu s-siġar u l-funtana bil-lejl.
Il-Ministru Joe Mizzi qal li dan kollu jfisser impenn min-naħa tal-Gvern mhux biss lejn din iż-żona partikolari imma lejn iż-żoni kollha f’Malta u Għawdex biex inkomplu nsebbħu pajjiżna.
Huwa rringrazzja lill-ELC, li magħha l-Gvern għandu Public Private Partnership, u l-ħaddiema dedikati tagħha li b’tant dedikazzjoni u professjonaliżmu, isebbħu s-soft areas tat-toroq tagħna u appella lill-poplu biex jibża’ għax-xogħol li sar u li qed isir mal-pajjiż kollu.
“Jekk verament inħobbu lil pajjiżna, għandna naraw li żoni bħal dawn ma jiġux ivvandalizzati għax l-ambjent ta’ madwarna hu fir-responsabbiltá tagħna li nieħdu ħsiebu,” temm jgħid il-Ministru.
Għall-inawgurazzjoni, attendew id-Diretturi kif ukoll il-ħaddiema tal-ELC li wettqu dan ix-xogħol, kif ukoll is-Sindku u membri tal-Kunsill Lokali ta’ Ħaż-Żabbar.