It-twaqqif tal-Community Chest Fund bħala fondazzjoni

Il-MCCF issa tingħata aktar viżibilità u jsirilha aktar skrutinju

Illum il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca ppresediet konferenza tal-aħbarijiet li matulha il-Malta Community Chest Fund saret Fondazzjoni.  Din kienet waħda mix-xewqat u l-ħsibijiet li kellha l-President ta’ Malta li kienet dik li l-MCCF issir Fondazzjoni, b’wieħed mill-għanijiet ewlenin ikun li l-MCCF tingħata iktar viżibilità u jsirilha skrutinju fl-operat tagħha.
 

Il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li l-Presidenza se tibqa’ taħdem kemm tiflaħ għaliex il-Malta Community Chest Fund trid tibqa’ tkun hemm, ta’ sostenn finanzjarju, u ta’ spalla għal min jiġi bżonn f’sitwazzjonijiet kemm ta’ mard jew ta’ faqar.  Il-President ta’ Malta semmiet għadd ta’ każijiet fosthom ta’ mara bil-kanċer li minħabba li trabbi lil uliedha waħedha lanqas biss tmur għall-kura, u għaldaqstant saħqet li l-Malta Community Chest Fund tkun hemm mhux biss biex tgħin finanzjarjament iżda wkoll biex tagħti appoġġ soċjali.  Il-President saħqet li l-Malta Community Chest trid tibqa’ tgħin kemm tiflaħ, hekk kif dan huwa l-mod kif il-Maltin u l-Għawdxin ikunu magħqudin f’qalb waħda għal meta jiġi l-maltemp fuq xi ħadd.

 

More in Socjali