Aktar titjiriet bejn Malta u Istanbul

'Bi 13-il titjira ta' turkish Airlines fil-ġimgħa, nemmen li t-Turkija se ssir sors importanti għat-turiżmu f'Malta' - Edward Zammit Lewis

13-il titjira ta' Turkish Airlines fil-ġimgħa se jkunu qed joperaw  bejn l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta u l-ajruport ta' Ataturk f'Istanbul.

“Hekk kif inbidlu x-xejriet turistiċi, inbidlet ukoll in-neċessitajiet fil-konnettività, u għalhekk, dawn kellhom jevolvu u jaddattaw biex ikunu jistgħu jaqqdu b'mof effiċjenti dawn it-trends u x-xejriet li qed jinbidlu." Dan qalu l-Ministru tat-Turiżmu, Edward Zammit Lewis met kien qed jindirizza konferenza tal-aħbarijiet biex tħabbar dawn iż-żidiet fit-titjiriet.

“L-ammont u l-frekwenza ta' passiġġieri fuq ir-rotot Istanbul-Malta juru biċ-ċar żewġ affarijiet importanti: li t-Turkija qed issir iktar importanti bħala sors ta' turiżmu u bħala destinazzjoni u Malta bħala destinazzjoni turistika li dejjem qed tiżdied fil-popolarità."

Zammit Lewis qal li l-gvern qed jippjana li jikkoopera iktar ma' Turkish Airlines permezz ta' żjarat edukattivi għal operaturi tal-ivjaġġar ġodda fit-Turkija u permezz ta' pajjiżi terzi li jiġu Malta permezz tal-ajruport Tork, bħaċ-Ċina, Ġappun, l-Istati uniti, il-Każakshtan, l-Ażerbajġan u l-Lvant Nofsani.

More in Socjali