Assurdità fl-eżami taċ-ĊES tal-Malti
Fost l-eżempji hemm parti fejn l-għalliema qed jaqraw silta fuq il-ħidma ta’ Puttinu Cares
More in Socjali
Fost l-eżempji hemm parti fejn l-għalliema qed jaqraw silta fuq il-ħidma ta’ Puttinu Cares
Studenti li bħalissa qed jagħmlu l-eżamijiet biex jiksbu ċ-ċertifikat tal-edukazzjoni sekondarja fil-Malti, magħruf aħjar bħala O Level qed jispiċċaw jiddieħku bil-livell assurd ta’ mistoqsijiet li qed jintalbu jwieġbu fil-parti tal-qari u s-smigħ fl-orali.
Ġenituri li tkellmu mal-ILLUM qalu li dawn l-istudenti li għandhom etajiet ta’ madwar 15-il sena, qed ikunu ppreżentati b’domandi meqjusa bħala assurdi u li ma jagħmlu l-ebda ġieħ lill-lingwa Maltija.
Fost l-eżempji hemm parti fejn l-għalliema qed jaqraw silta fuq il-ħidma ta’ Puttinu Cares. Id-domanda segwenti hi jekk is-silta kinitx fuq a. Ċensinu Cares, b. Toninu Cares jew ċ. Puttinu Cares.
Silta oħra moqrija mill-għalliema lill-istudenti hija dwar il-Bank tad-Demm. Wara l-qari tas-silta, l-għalliema qed jistaqsu lill-istudenti jekk in-nies imorrux hemm biex jixtru d-demm jew jagħtu d-demm.
Eżempju ieħor hu dwar l-Istrina fejn l-għalliema jaqraw silta dwar dan l-avveniment u wara l-istudenti jkunu mitluba jwieġbu min jorganizza l-Istrina. Jekk hux a. Il-Malta Community Fund, b. Il-Malta Community Chest Fund jew ċ. Il-Malta Fund.
Mitluba jikummentaw dwar dan l-eżami, gradwati fil-lingwa Maltija qalu lill-ILLUM li huma jħossuhom offiżi li studenti qed ikunu sottoposti għal dawn it-tip ta’ domandi. Saħqu li għalkemm ir-rata ta’ studenti li jgħaddu mill-eżamijiet tal-Malti qed tkun waħda baxxa, dan m’għandux iwassal biex il-livell tal-eżamijiet jaqa fil-livell ta’ redikolaġni.