
Iktar riżultati eċċellenti fit-Turiżmu għal pajjiżna
Tkabbir ta' 6.1% għal Malta meta mqabbel mas-sena ta' qabel

More in Socjali
Tkabbir ta' 6.1% għal Malta meta mqabbel mas-sena ta' qabel
Skont l-aħħar stqarrija maħruġa f’dawn il-ġranet mill-UNWTO, is-sena l-oħra l-infieq mit-turiżmu madwar id-dinja rreġistra tkabbir sostanzjali. Dan kollu jirriżulta minn ċifri ppubblikati fil-World Tourism Barometer għall-2014. L-infieq turistiku madwar id-dinja fl-2014 żdied €36 biljun meta kkomparat mal-2013. Fl-Ewropa dan l-infieq żdied bi €13-il biljun. Dan ifisser li fl-2014, kemm globalment, kemm fil-kontinent Ewropew u kemm fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, esperjenzajna tkabbir medju ta’ 3.6% fl-infieq.
Dan huwa tkabbir sostanzjali, madanakollu huwa ta’ sodisfazzjon ikbar li pajjiżna rreġistra tkabbir ferm akbar ta’ 6.1% fl-2014 meta mqabbel mas-sena ta’ qabel. Dan jikkompara ferm tajjeb mas-swieq kompetittivi tagħna, fejn żammejna l-pass mal-pajjiżi tal-Mediterran u n-Nofsinhar tal-Ewropa fit-tkabbir tal-infieq turistiku. Skont l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-infieq turistiku ġewwa pajjiżna s-sena l-oħra laħaq il-€1.5 biljun, li jfisser żieda ta’ €88 miljun li ġew injettati direttament fl-ekonomija Maltija.
Il-Ministru għat-Turiżmu Edward Zammit Lewis jilqa’ dawn ir-riżultati b’sodisfazzjon. F’xenarju globali fejn il-prezzijiet tal-prodotti qed jonqsu, l-infieq tat-turisti żdied b’mod sinifikanti fl-2014. Dan jissottolinja l-fatt li s-settur tat-turiżmu kapaċi jistimula tkabbir ekonomiku, jinkoraġixxi l-esportazzjoni u joħloq l-impjiegi.
Il-Ministru Zammit Lewis aċċenna li b’dawn ir-riżultati miksuba minn pajjiżna fis-settur tat-turiżmu, jikkonferma kemm Malta qed tkun fuq quddiem nett meta kkomparata ma’ pajjiżi oħra Ewropej u saħansitra madwar id-dinja. "Dawn ir-riżultati jikkonfermaw li l-politika tal-Gvern għat-turiżmu qiegħda fid-direzzjoni t-tajba. Il-Gvern huwa kommess li jissokta b’ħidmietu għal aktar suċċess fit-turiżmu, aktar riżultati pożittivi, mhux biss fl-ammont ta’ turisti imma wkoll ikompli jaħdem biex jitjieb il-prodott turistiku li bih tiġbed aktar turisti ta’ kwalità li jħallu aktar ġid fl-ekonomija Maltija sabiex anki f’dan is-settur pajjiżna jibqa’ jkun fost l-aqwa fl-Ewropa," temm jgħid il-Ministru Zammit Lewis.