
Il-potenzjal taż-żgħażagħ bħala ċavetta għall-parteċipazzjoni
Titnieda s-7 edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ

More in Socjali
Titnieda s-7 edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ
Is-seba' edizzjoni tal-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ (EYW2015) li se tkun qed tiġi ċċelebrata f’Malta bejn l-4 u t-8 ta’ Mejju, tnediet dalgħodu waqt konferenza għall-istampa mill-Aġenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA).
It-tema tal-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ 2015 hija 'Niżblukkaw il-potenzjal taż-żgħażagħ bħala ċ-ċavetta għall-parteċipazzjoni, fil-ħajja tax-xogħol u fis-soċjetà b'fokus fuq il-kwistjoni ewlenija tat-tħaddin tad-diversità permezz tal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ'.
Huwa għalhekk li fit-33 pajjiż li jipparteċipa fil-programm tal-Unjoni Ewropea Erasmus+, se jkunu qed jittellgħu attivitajiet għaż-żgħażagħ. L-importanza f’kull attitività hi l-għoti tas-setgħa liż-żgħażagħ sabiex jinvolvu ruħhom u jkunu attivi fl-aspetti kollha tas-soċjetà, bħala mod kif jippromwovu demokrazija li tiffjorixxi u sabiex tiġi mħeġġa l-inklużjoni taż-żgħażagħ, inkluż fix-xogħol.
Punt fokali f’dawn l-attivitajiet hu li jiġu emfasizzati l-attivitajiet tal-programm Erasmus+ fil-qasam taż-żgħażagħ.
Fis-6 ta’ Mejju, il-Kummissarju Navracsics ser jospita Dibattitu ta' Livell Għoli fi Brussell, li se jkun qed jiffoka fuq it-temi tal-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ. L-avveniment ser jikkonkludi b'ċerimonja sabiex jiġu ppreżentati premjijiet lil tliet proġetti li kienu appoġġjati mill-programmi Żgħażagħ fl-Azzjoni u Erasmus+.
Fl-istess ġurnata, il-Kummissjoni Ewropea ser ittella' wirja li turi l-proġetti kollha fil-lista l-qasira għall-premjijiet fuq l-Esplanade tal-Parlament Ewropew, bħala parti mill-"YO!Fest!" organizzat mill-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. Dawn l-attivitajiet se jkunu qed jixxandru f’Malta b’link dirett minn Brussell waqt l-attivitajiet li se jkunu qed jiġu organizzati fl-Università ta’ Malta u l-MCAST.
Il-Ġimgħa Ewropea taż-Żgħażagħ ser tara ukoll it-tnedija ta' Ideas Labs, kunċett ġdid sabiex jagħti liż-żgħażagħ l-ispazju sabiex ifissru l-ideat friski u ta' ispirazzjoni tagħhom fuq is-setgħa liż-żgħażagħ, kif ukoll kwistjonijiet ta' żvilupp globali.
Iż-żgħażagħ diġà ilhom jipparteċipaw f'Ideas Labs nazzjonali madwar l-Ewropa, u l-ideat il-ġodda li ġġeneraw sejrin jiġu ppubblikati fuq il-Portal Ewropew taż-Żgħażagħ fil-bidu tal-EYW2015. Il-pari tagħhom madwar l-Ewropa sejrin imbagħad ikunu jistgħu jivvotaw fuq dawn l-ideat, u wara dawn jintbagħtu lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet sabiex jikkunsidraw u jagħtu l-opinjoni tagħhom. Fil-5 ta' Mejju, rappreżentanti minn kull wieħed mill-Ideas Labs nazzjonali sejrin ukoll imorru Brussell sabiex jipparteċipaw f'seminar ċentrali ta' Ideas Lab, u mbagħad ikunu preżenti għad-Dibattitu ta' Livelli Għoli l-għada.
Iż-żgħażagħ li jixtiequ jinvolvu ruħhom fl-avvenimenti reġjonali u nazzjonali organizzati matul l-EYW2015 jistgħu jżuru s-sit elettroniku www.youthweek.eu, li jagħti ħarsa ġenerali tal-attivitajiet organizzati madwar l-Ewropa. Aktar informazzjoni tista' tiġi pprovduta wkoll mill-Aġenziji Nazzjonali tal-programm Erasmus+.
L-EUPA tixtieq tirringrazzja lill-Aġenzija Żgħażagħ, Youth.Inc, ETC, lil-Leap Centres tal-Belt Valletta, il-Kottonera, Ħal Kirkop u x-Xewkija, lill-Young Enterprise, lill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, l-Università tal-Malta u l-MCAST għas-sapport li se jkunu qed jagħtu lill-Aġenzija.