Taljani jfittxu xogħol f’Malta

fenomenu relattivament ġdid f’pajjiżna huwa eżodu ta’ Taljani li regolarment qed jaqsmu l-ftit baħar li jaqsamna u jiġu jfittxu xogħol f’Malta

Argument komuni bejn iż-żgħażagħ Maltin illum il-ġurnata huwa dwar kemm Malta m’hawnx opportunitajiet ta’ xogħol u li l-opportunitajiet għalihom qegħdin barra. Iżda dan ir-raġunar ma jidhirx li huwa validu dejjem hekk kif jidher li hawn min iħares lejn Malta minn lenti differenti u jara f’pajjiżna bozza tixgħel b’opportunità ta’ xogħol li  forsi f’pajjiżhom saru joħolmu li jsibu.

 

Fil-fatt, fenomenu relattivament ġdid f’pajjiżna huwa eżodu ta’ Taljani li regolarment qed jaqsmu l-ftit baħar li jaqsamna u jiġu jfittxu xogħol f’Malta. Xhieda ta’ dan hi ntervista ma’ Vittoria Rinaldi, mara ta’ 30 sena minn Livorno fuq il-ġurnal taljan Il Fatto Quotidiano. Rinaldi, li hi gradwata fl-Ekonomija tistqarr fl-intervista li fl-Italja kienet tmur għax-xogħol bid-dardir waqt li f’Malta tħoss li hi apprezzata u li saret imprezzabbli. Tistqarr ukoll li kienet tħoss li f’pajjiżha qatt ma setgħet timxi ’il quddiem fil-ħajja professjonali tagħha.

 

Vittoria Rinaldi tistqarr mal-ġurnal taljan kif wara li ġiet Malta biex tistudja l-Ingliż, bdiet tfittex xogħol hawnhekk. “Wara li ħadt kuntratt fis-settur tal-gaming ħassejt kif il-kumpanijja riedet tinvesti fijja sabiex inkompli niżviluppa l-ħiliet tiegħi. F’Malta jġiegħluk tħossok li għandek valur waqt li fl-Italja kont inħossni grata sempliċiment għax kelli xogħol, ma kienx jimporta fejn u kemm kont tħossok sodisfatta bih.”  Qalet ukoll li l-opportunità tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tagħha huma “bla prezz, huma sensazzjoni li qatt ma ħassejt u li ħsibt li qatt m’eżistiet.”

 

Rinaldi tkompli billi tfaħħar lil Malta hekk kif tgħid li minkejja li għaliha din kienet bidla radikali, Malta hija “iżgħar u aktar kwieta, forsi xi ftit wisq,” filwaqt li tfaħħar kemm hija irħas li tgħix hawn, inkluż li ssib tikri jew tixtri propjetà. Rinaldi hija biss waħda fost l-eluf ta’ ko-ċittadini tagħha f’Malta, hekk kif anke l-komunità taljana fuq Facebook, fuq diversi gruppi li fihom ingħaqdu, għandhom total ta’ membri ta’ aktar minn 10,000 – gruppi li fuqhom jfittxu għajnuna u diskussjoni, u ma jonqosx xi parir dwar fejn jistgħu jieħdu l-aħjar kafè f’Malta.

 

Intant, skont statistika tal-Eurostat, ir-rata ta’ qgħad fl-Italja hija ta’ 12.7%, it-tieni l-ogħla fl-UE, fejn id-dejn pubbliku huwa t-tieni l-għola fl-UE bir-rata għall-2013 tkun dik ta’ 132.6%. 

More in Socjali